Waqt żjara fil-port tal-Imġarr, il-Ministru Justyne Caruana tkellmet ma’ diversi sidien ta’ ħwienet li spjegawlha dwar xi nuqqasijiet li jixtiequ li jiġu indirizzati fiż-żona. Fost l–ilmenti li tressqu mis-sidien tal-ħwienet kien hemm il-fatt li ż–żona għandha tiġi rijabilitata.
Kien għalhekk li minnufih il–Ministru Caruana nkarigat il-ħaddiema tal-Ministeru biex isiru x–xogħlijiet indikati li fil-fatt saru b’mod immedjat. Il-Ministru Caruana saħqet dwar il-ħtieġa li l-port u ż-żona tal-Imġarr għandhom jingħataw attenzjoni partikolari għaliex huwa l-ewwel post li jilqa’ lil kull min iżur Għawdex u għaldaqstant irid jinżamm fi stat tajjeb u li jilqgħek.
Dwar il-bżonn li jiġu organizzati aktar attivitajiet kulturali fl-akwati, il-Ministru għal Għawdex qalet li din is–sena diġà bdejna nagħtu ħajja liż-żona tal-Imġarr permezz tal-Brass Festival u l-JazzDo. Il-Brass Festival ħalla impatt pożittiv ħafna u l-istess qed nistennew mill-avveniment ta’ Jazz Do li se jsir nhar is-Sibt, 2 ta’ Settembru.
Il-Ministru Caruana qablet ma’ dak li ġie ssuġġeritmi s-sidien tal-ħwienet li hemm bżonn ta’ aktar attivitajiet kulturali u impenjat ruħha li tiddiskuti dan is-suġġeriment mad-Dipartiment tal–Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Din is-sena wkoll, il-Ministeru għen b’mod sostanzjali fl-organizzazzjoni tal-festa ta’ Kemmuna li tagħmel parti mill-konfini tar-raħal ta’ Għajnsielem.
“Il-Ministeru huwa impenjat li jwessa’ u jifrex aktar il-kalendarju kulturali Għawdxi u jappoġġja inizjattivi simili li jagħtu aktar ħajja lil postijiet ċentrali bħall-port tal-Imġarr. Attivitajiet ta’ kultura u spettaklu jkomplu janimaw il-ħidma kontinwa f’ambjent hekk strateġiku”, temmet tgħid il-Ministru Justyne Caruana.