Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering, Matthew Pace, faħħar il-fatt li l-Budget għas-sena d-dieħla jiffoka fuq iż-żieda fil-ħiliet fil-catering.
Pace sostna li dan qiegħed isir fid-dawl li s-settur tal-catering qiegħed jirkupra u m’huwiex isib biżżejjed ħaddiema biex jaħdmu f’dan is-settur.
Għaldaqstant, dak imsemmi fil-Budget dwar dak li se tkun qed toffri l-ITS f’dan il-qasam kien innotat b’sodisfazzjon minn din l-Assoċjazzjoni.
Matthew Pace tkellem dwar kemm l-enerġija hija prijorità għas-settur tal-catering f’pajjiżna, u b’hekk l-issussidjar mill-Gvern intlaqa’ tajjeb ferm minn din l-Assoċjazzjoni.
Huwa żied jgħid li dan il-Budget qiegħed joħloq bilanċ bejn l-interessi tan-negozji u dawk tal-ħaddiema u l-konsumatur.