Qed isiru l-arranġamenti sabiex il-bini tal-Kunsill Lokali tal-Gżira jkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità, permezz ta’ koperazzjoni bejn l-istess kunsill lokali u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Dan qed isir wara rapporti fil-midja li l-Kunsillier ġdid tal-Gżira, Mario Azzopardi, ma setax jattendi laqgħa tal-Kunsill minħabba li s-sular fejn hemm il-Kunsill huwa inaċċessibbli kawża ta’ ħsarat fil-lift.
Mario Azzopardi huwa kunsillier Nazzjonalista ġdid, li ħa l-post ta’ Shaun Farrugia, li kien akkużat li għamel rapport falz dwar theddida ta’ bomba.
Peress li l-kunsilliera tal-lokalità kollha kienu jagħmlu użu mit-taraġ, il-lift, li kien bil-ħsara, baqa’ ma tranġax. Il-binja fejn hemm il-kunsill hija maqsuma bejn sidien differenti.
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli qalet li, sakemm dan il-lift jitranġa, il-kunsill se jaħdem b’mod fejn il-kunsilliera kollha jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat.
“L-arranġamenti fejn Mario Azzopardi se jkun jista’ jattendi, se nkunu qed insibu post alternattiv biex, kemm jista’ jkun malajr, il-ħsarat li hemm fil-lift ikunu jistgħu jissewwew.”