• SIMON BUSUTTIL WAĦDU KONTRA L-KUMMISSJONI ELETTORALI
Il-GRECO, il-grupp ta’ pajjiżi kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, ikkonferma li għalih m’hemm ebda kwistjoni bl-indipendenza tal-Kummissjoni Elettorali. Din il-Kummissjoni hi l-entità li għandha r-responsabbiltà tara li l-liġi tal-finanzjament tal-partiti tkun implimentata u osservata.
Iżda, anke jekk il-liġi mfassla mill-Gvern kisbet l-approvazzjoni tal-Parlament, issa li l-Partit Nazzjonalista nqabad fl-iskandlu Pagi PN ma jridx jaċċetta li jkun investigat u ħareġ jattakka l-imparzjalità u l-mod kif taħdem il-Kummissjoni Elettorali.
Mistoqsi mill-gazzetta KullĦadd kelliem għall-GRECO, l-organizzazzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li kienet ilha tiġri wara Malta snin biex iddaħħal liġi tal-finanzjament tal-partiti, qal li l-GRECO qatt ma esprimiet preferenza dwar min kellu jagħmel il-moniteraġġ tal-liġi.
“Però, dejjem kellna l-ħsieb li kull entità ta’ superviżjoni jkollha livell xieraq ta’ indipendenza u tingħata r-riżorsi meħtieġa biex twettaq ħidmietha,” qalet il-GRECO li żiedet tinnota l-indipendenza tal-Kummissjoni. “Fir-rapporti li segwew, il-GRECO qatt ma kkontestat l-indipendenza tal-Kummissjoni Elettorali,” qal ilkelliem tal-GRECO. Dan ifisser li organizzazzjonijiet internazzjonali qed jieħdu attitudni differenti ħafna mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista li ħareġ jgħid li ma jafdax il-Kummissjoni Elettorali u saħansitra l-membri tiegħu fuqha kitbu lill-President tar-Repubblika. Il-Kummissjoni Elettorali hija maħtura mill-President tar-Repubblika wara parir tal-Prim Ministru li jkun ikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-GRECO żiedet tgħid mal-KullĦadd li bil-liġi tal-finanzjament tal-partiti, Malta għamlet qabża ’l quddiem. “Inħoloq qafas regolatorju għal trasprenza li ma kinetx teżisti,” qalu l-GRECO fi tweġibijiet tagħhom.
Anke jekk il-GRECO għażlet li ma tidħolx f’każi speċifiċi, dawn huma dettalji li huma tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu meta janalizza dak li għamel il-Partit Nazzjonalista. Il-GRECO jinnotaw kif illiġi tpoġġi obbligu fuq il-partiti politiċi biex donazzjonijiet ta’ iktar minn 50 ewro jsiru fir-rendikont finanzjarju u l-Kummissjoni Elettorali tista’ titlob biex tkun taf is-sors tad-donazzjoni.
Biża’ kbir minn Simon Busuttil L-iskandlu Pagi PN, fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni ħoloq skema li permezz tagħha negozjanti jħallsu uffiċjali għolja tal-Partit Nazzjonalista issa ilu li ħareġ fil-beraħ iktar minn xahar. Il-Ħadd 5 ta’ Marzu uffiċjali tal-grupp db kienu kkonfermaw li kienu qed jgħaddu eluf ta’ ewro biex titħallas is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Rosette Thake u l-Kap Eżekuttiv, Brian St John. Dakinhar Simon Busuttil kien irritalja billi qal li se jħallas lura l-flus “maħmuġin.”
Iżda, eventwalment żamm kollox anke għax l-ammonti huma fenomenali. Din il-gazzetta kienet żvelat li jaqbżu n-nofs miljun ewro u sorsi oħra kkonfermaw li saħansitra jlaħħqu s-sitt mitt elf ewro. Biex taparsi jkollu xi ħaġa x’juri l-Partit Nazzjonalista kien qed iħaddem skema ta’ invoices foloz li sal-lum irrifjuta li jippubblika. Invoices li kienu qed joħorġu fuq kumpaniji li m’għandhom bżonn ebda reklami għax ma joffrux servizz lill-pubbliku ġenerali.
Wieħed kien jistenna li dawn l-invoices, sal-lum miżmuma sigrieta, ikunu investigati mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali, li kif kien imħabbar fi stqarrija kienet se taħtar bord ta’ nies kompetenti biex jgħinuha u saħansitra jmexxu l-investigazzjoni.
Fil-fatt, kien fis-16 ta’ Marzu li l-Kummissjoni Elettorali ħabbret li ħatret Bord Investigattiv biex jinvestiga “l-każijiet kollha li għandha quddiemha dwar allegati ksur tal-liġi tal-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi.”
Il-Kummissjoni qalet li l-kompożizzjoni tal-Bord kienet tkun imħabbra meta l-persuni jiġu appuntanti. Arranġament li Simon Busuttil għall-bidu beda jgħid li ma kellux problema bih tant li kull meta mistoqsi dwar il-każ prova jipposponi t-tweġiba billi jgħid li hemm l-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali.
Iżda, mal-mument li l-Kummissjoni Elettorali kienet se taħtar il-bord bil-għan li tibda l-investigazzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni fetaħ attakk fuq il-Kummissjoni Elettorali bil-għan li l-investigazzjoni ma tkunx tista’ tibda.