Fir-rapport annwali tiegħu għall-2021, li tressaq fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda, anki l-Kunsill Fiskali Konsultattiv ta’ Malta nnota li l-indikazzjonijiet juru li l-irkupru fl-attività ekonomika ta’ pajjiżna s-sena li għaddiet kien aktar b’saħħtu milli kien mistenni.
Fi stqarrija, il-Kunsill Fiskali Konsultattiv qal li huwa importanti li jiġi sostnut it-tkabbir ekonomiku hekk kif il-pajjiż sejjer lura għan-normalità, minkejja l-isfidi internazzjonali ta’ bħalissa bħalissa, fosthom dik tal-inflazzjoni.
Dan ir-rapport annwali tal-Kunsill Konsultattiv Fiskali ta’ Malta jikkonferma dak li qalu rapporti oħra, fosthom dak tal-Kummissjoni Ewropea. Fi Frar li għadda, fir-rapport annwali tax-xitwa, il-Kummissjoni Ewropea bassret li l-ekonomija Maltija se tkun l-aktar waħda li se tikber mill-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Ma’ dawn hemm ukoll ir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali, li minnu ħareġ kif, matul din is-sena, it-tkabbir ekonomiku mistenni jkun ta’ 6%.