Mill-investigazzjonijiet tagħha l-pulizija qed tqis li kien l-Albaniż Daniel Muka li spara u qatel lil Dr. Christian Pandolfino u lis-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski.
Sorsi li tkellmu ma’ ONE News qalulna li sigħat twal ta’ investigazzjoni wasslu sabiex l-pulizija tinsab viċin ħafna li ssolvi kompletament dan l-omiċidju.
Kif żvela ONE News, u ġie ikkonfermat mill-pulizija, il-mottiv wara dan l-omiċidju kien serq.
Nifhmu li allegatament, Muka l-ewwel spara t-tiri lejn Dr. Pandolfino, li nstab mejjet fl-intrata, imbagħad tela’ fis-sular ta’ fuq u spara lejn Maciejowksi.
Maciejowski nqatel b’tir f’rasu filwaqt li Christian Pandolfino kellu erba’ tiri, tnejn f’sidru, wieħed f’għonqu u ieħor f’rasu.
B’hekk jidher li kien hemm tir li ma laqat lil ħadd mill-koppja.
Dawn it-tiri ġew sparati minn pistola b’kalibru ta’ disa’ millimetri.
ONE News jinsab infurmat ukoll li l-pulizija qed tqis li Dragomanski u t-tielet suspettat kienu qegħdin jagħmlu tfittxijiet sabiex jisirqu affarijiet prezzjużi.
Nifhmu li fid-dar kien hemm pittura u deheb hekk kif Maciejowski kien kollezzjonist tal-arti kontemporanja u Pandolfino kien dilettant tad-deheb tant li l-koppja kienet toħroġ liebsa d-deheb m’għonqha.
Daniel Muka u Viktor Dragomanski, iż-żewġ persuni arrestati sa issa b’rabta ma’ dan il-każ ġew akkużati ukoll b’serq ta’ ġojjellerija.
Il-ħallelin li daħlu jisirqu fid-dar lussuża li tinsab fi Triq Locker kantuniera ma’ Triq Tony Nichol, damu biss erba’ minuti fid-dar.
Dawn il-ftit minuti swew il-ħajja tal-koppja.