X’jiġri meta tlaqqa’ personalità simpatika u vivaċi, mdawra bil-mużika, moda u tant pożittività ma’ artist bravu u mimli talent? Ifaqqas INDIGO, programm ta’ kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa li tard wara nofsinhar minn Ottubru għal sagħtejn ser iżommilkom kumpanija flimkien ma’ Josette Sciberras u Lon Kirkop.

Dan il-programm se jkun imżewwaq b’diversi ingredjenti interessanti u differenti. Pariri, esperjenzi u tagħrif generali. Minn make over u interventi dwar moda u sbuħija, tisjir u kċina, saħħa u arti. Sezzjoni għat-telespettaturi żgħar ma tonqosx.
Int kif tiftakar it-tieġ tiegħek? Ġrat xi ħaġa partikolari? Liema kien dak il-mument li ma tinsih qatt?… Bosta personalitajiet se jirrakkuntaw dawn il-mumenti u rikordji mat-telespettaturi ta’ Indigo.
Se tingħata daqqa t’għajn dwar kif qed nużaw il-lingwa tagħna u kliem li daħħalna minn lingwi oħra u għaffiġnieh mal-lingwa Maltija! F’dan il-programm, il-preżentaturi se jkomplu jisħqu aktar dwar l-importanza tal-qari u jiksbu tagħrif dwar publikazzjonijiet ġodda u li ta’ min jagħtihom titwila.

Waqt INDIGO ser nitgħallmu dwar kif nistgħu nieħdu ħsieb aħjar tal-pjanti fid-djar, fil-btieħi jew fil- ġonna tagħna. Naraw kif nistgħu minflok narmu, nirriċiklaw u nagħmlu użu minn oġġetti u ħwejjeġ li forsi ma għadniex nagħmlu użu minnhom. Inħarsu ftit lejn postijiet storiċi f’Malta u f’Għawdex u naraw fejn nistgħu nmorru fi tmiem il-ġimgħa.
Josette Sciberras persuna simpatika li twassal pożittività u simpatija, m’għandha bżonn l-ebda ntroduzzjoni mat-telespettaturi ta’ ONE. Magħha ser ikun qed jingħaqad Lon Kirkop, artist bravu u simpatiku b’kariżma u personalità interessanti ħafna.
