Għal sena oħra pajjiżna kompla jirreġistra kisbiet pożittivi fejn tidħol l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, anke skont l-indiċi aġġornat, li għadu kemm ġie ppubblikat mill-Ġnus Magħquda.
Fil-fatt, il-Gender Inequality Index, li jagħmel parti mill-Indiċi għall-Iżvilupp Uman tal-Ġnus Magħquda juri kif l-ugwaljanza fostna kompliet tiżdied u hi ferm aktar għolja mill-medja madwar id-dinja.
Ħarsa lejn iċ-ċifri tal-inugwaljanzi fid-dinja turi kif pajjiżna kiseb punteġġ ta’ 0.117, li meta jitqabbel mal-medja globali ta’ 0.462 għas-sena 2022, hu ferm inqas u allura hemm inqas diskrepanza bejn in-nisa u l-irġiel.
Dan ipoġġi lil Malta fil-ħamsa u tletin post minn fost mija u sitta u sittin pajjiż f’dan l-indiċi.
L-indiċi jasal għal dawn ir-riżultati wara li jittieħdu inkonsiderazzjoni tliet aspetti ta’ inugwaljanza bejn il-ġeneri – is-saħħa riproduttiva; l-għoti tas-setgħa jew kif inhu magħruf bl-Ingliż, empowerment; u s-suq tax-xogħol.
B’hekk, tingħata ħarsa fost l-oħrajn lejn kif inhu mqassam il-Parlament ta’ kull pajjiż, il-proporzjon ta’ mwiet waqt it-tqala u l-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol.
L-istatistika kif pajjiżna ilu snin sħaħ ikabbar id-distakk mill-medja dinjija u jtejjeb l-ugwaljanza sa mill-1990 meta pajjiżna ġie nkluż f’dawn l-indiċi, b’żidiet konsiderevoli kull ftit tas-snin.
B’reazzjoni għal dawn ir-riżultati, tkellimna mas-Segretajru Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, li stqarret kif dan l-indiċi jirrifletti l-ħidma relatata mill-Gvern favur aktar ugwaljanza fis-soċjetà.
“Juri riżultat ċar dwar l-impenn li għandna bħala Gvern riformista u Gvern li dejjem jgħożż l-ugwaljanza.”
Buttigieg fakkret ukoll kif, matul l-aħħar għaxar snin, iddaħħlu mal-mitt elf mara fid-dinja tax-xogħol, grazzi għal numru ta’ benefiċċji u miżuri differenti, inkluż iċ-childcare b’xejn, li għamlu rivoluzzjoni sħiħa f’dan ir-rigward.