L-istorja turina li l-isfidi li qed naffaċjaw issa se jagħmluna iżjed b’saħħitna meta jgħaddu. Iżda biex dan isir irridu naħdmu qatiegħ.
Sostniet dan mart il-Prim Ministru Lydia Abela f’artiklu fis-Sunday Times, fejn semmiet b’eżempju kif fit-tifrik ta’ pajjiżna wara t-tieni gwerra dinjija, pajjiżna beda’ jifforma l-ewwel servizzi soċjali u daħħal l-edukazzjoni obbligatorja.
Dr Abela rrikonoxxiet li l-Għid li s-soltu jgħaqqad lil kulħadd, din is-sena ġab miegħu sens ta’ ansjetà u li wieħed iħossu mitluf.
Qalet li l-aħħar ġimgħat kienu ta’ xokk bla preċedent, speċjalment għan-nisa, li minbarra l-irwoli tas-soltu ta’ nisa tad-dar, ommijiet, bniet u ħaddiema. Ma’ dawn issa, jridu jgħallmu u jallegraw lil uliedhom waqt li jibqgħu għaddejjin bill-karriera tagħhom.
Hija sellmet is-sagrificcju tan-nisa fl-iktar professjonijiet kruċjali f’dan iż-żmien fosthom l-infermiera, hekk kif tnejn minn kull tlieta huma nisa.
Hawnhekk tenniet l-importanza li r-rispons ekonomiku ta’ pajjiżna ma jxekkilx il-progress ta’ ugwlajanza bejn is-sessi fl-aħħar snin, u fakkret fil-pakketti finanzjarji li ħabbar il-Gvern biex isostni l-industriji u l-ħaddiema.
Hija temmet b’messaġġ ta’ tama li din l-ikbar sfida ta’ ħajjitna nistgħu ndawruha fl-ikbar opportunità ta’ ħajjitna.