Mara tilfet ħajjitha f’Wales wara li l-kelb tagħha ħarbilha f’highway f’Cardiff, Wales. Il-Pulizija spjegaw li l-mara, li kellha 66 sena, ittajjret minn Ford Transit il-Ġimgħa filgħaxija u li ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post. L-investigaturi qalu li x’aktarx il-mara bdiet isegwi l-kelb tagħha, bit-tama li ma jaħrabx iktar ‘il bogħod fi triq li tintuża minn ħafna karozzi.
Dan x’aktarx wassal biex is-sewwieq tal-vann ma jintebaħx bil-mara li kienet għaddejja bil-pass fi triq li normalment ma tarax persuni għaddejjin bil-mixi minħabba li t-triq hija waħda perikoluża. It-triq ingħalqet għat-traffiku għal aktar minn ħames sigħat biex issir l-investigazzjoni dwar l-inċident li wassal għall-mewt tal-mara.
Il-Pulizija ta’ South Wales qed tappella biex jekk kien hemm persuni li raw l-inċident jagħmlu kuntatt magħhom biex jistabbilixxu jekk l-ewwel stħarriġ li għamlu kienx korrett. Dawk li għandhom għal qalbhom l-annimali qed jirreferu għal din il-mara bħala eroj hekk kif tilfet ħajjitha bit-tama li ssalva l-ħajja tal-kelb tagħha.