Raġel ta’ 51 sena mill-Imqabba tilef ħajtu f’inċident, b’mutur tal-ħart, li seħħ għall-ħabta tal-10.30 tal-Ħadd filgħodu.
L-inċident seħħ viċin l-għalqa tal-vittma fi Triq Ħal Far, Birżebbuġa.
Fuq il-post issejjħu membri mill-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei immexxi mit-Tabib tal-Emerġenza Jonathan Joslyn, iżda, b’xorti ħażina r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Mill-ewwel stħarriġ li għamlet il-pulizija fuq il-post irriżulta li, għal xi raġuni, ir-raġel inqabad mill-moħriet, b’konsegwenza li tilef ħajtu.
Dan waqt li kien qed imexxi l-mutur tal-ħart għal ġo l-għalqa tiegħu viċin il-post fejn seħħ l-inċident. Fuq il-post issejjħu wkoll membri tal-forensika sabiex jassistu.
Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkejsta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar dan l-inċident sfortunat għadhom għaddejjin.