Inċident tat-traffiku fi Triq ix-Xatt fl-Imsida wassal biex it-traffiku jinsab imwaħħal.
Il-ħabta seħħet bejn żewġ karozzi, Citroen u Vitz, li kienu ġejjin minn direzzjonijiet opposti fit-triq max-xatt. Ic-Citroen C2, misjuqa minn mara ta’ 64 sena minn Tal-Pietà, kienet ġejja minn Triq Zammit Clapp, meta ħabtet mal-Vitz, bil-konsegwenza li din tal-aħħar telgħat fuq is-central strip. Il-Vitz kienet misjuqa minn ġuvni ta’ 25 sena miż-Żejtun, li miegħu kellu tfajla ta’ 22 sena residenti l-Fgura. It-tfalja kellha tittieħed l-isptar Mater Dei peress li sofriet xi grieħi.
Konsegwenza tal-inċident inġema’ serbut twil ħafna tat-traffiku, tant li hemm mas-sittax-il karozza tal-linja mwaħħla. Waħda minnhom hija double decker li tipikament jużaw it-turisti. Ħafna passiġġiera għażlu li jinżlu minn fuq tal-linja u jimxu għall-eqreb bus stop.