Anzjana ta’ 80 sena minn Ħal Għaxaq, tilfet ħajjitha u tnejn oħra ta’ 64 u 63 sena ndarbu f’inċident li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija f’Ħal Far.
L-inċident seħħ meta, għal xi raġuni, kowċ li kienet qed tniżżel l-anzjani li kienu se jattendu attività soċjali ta’ David Casa f’Villa Blanche, tajret tliet anzjani li kienu qed jaqsmu.
Waħda minnhom inqabdet taħt il-kowċ, u mill-ewwel issejħet l-assistenza medika.
Ħaddiema tas-salvataġġ mexxew operazzjoni kumplessa u delikata biex jippruvaw joħorġu lill-mara minn taħt il-kowċ, iżda sfortunatament, minkejja l-isforzi li saru, l-anzjana ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Il-ġrieħi tal-anzjana ta’ 64 sena għadhom pendenti filwaqt li l-anzjana ta’ 63 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.
Ix-xufier tal-kowċ li għandu 52 sena residenti Ħal Għaxaq u li huwa barrani, ukoll ittieħed l-isptar minħabba x-xokk li sofra iżda ma sofriex ġrieħi.
Għal din l-attività kien hemm preżenti numru kbir ta’ anzjani, li wħud minnhom ġew mitkellma mill-Pulizija bil-għan li tiġi identifikata l-mara nvoluta fl-inċident.
Fuq il-post kien hemm preżenza qawwija ta’ uffiċjali tal-Pulizija, ħaddiema tal-Emerġenza fosthom it-tabib Michael Spiteri, u ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-kelliem għall-Korp, Brandon Pisani ta l-ewwel dettalji minn fuq il-post tal-inċident.
“L-informazzjoni li għandna s’issa hija li kienu għall-ħabta tas-sebgħa u għoxrin ta’ filgħaxija x’ħin ġejna nfurmati li kien hemm bżonn l-assistenza qrib sala fejn kienet ħa ssir attività soċjali. Minnufih fuq il-post waslu mill-ewwel timijiet mediċi, is-Civil Protection u anki l-Pulizija. Dil-mara kienet maqbuda taħt il-kowċ li hawn warajja, saret ħidma sfieqa mill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex tkun salvata l-mara biex tinħareġ minn taħt il-kowċ iżda sfortunatament, il-mara ġiet iċċertifikata mejta.”
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Nadine Lia, u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.