Avukat li sofra diżabilità permanenti ta’ 1% minħabba inċident fil-pixxina nazzjonali irċieva kumpens ta’ ftit inqas minn €13,000.
Nhar is-sebgħa ta’ Lulju tal-2010 Simon Cachia kien qed jgħum fil-pixxina tal-Qroqq meta laqat saqajh ma’ ħadida taqta li kienet parti mil-lasta tal-water polo. Cachia sostna li l-ħadida ma kinitx tidher peress li kienet tinsab taħt l-ilma. SportMalta li l-kumpless tal-Qroqq jinsab taħt ir-responsabilità tagħha sostniet li ġiet infurmata bl-inċident ħames xhur wara li seħħ.
L-esperti spjegaw kif Cachia kellu bżonn isirulu l-punti u dam ħames ġimgħat ma jmur għax-xogħol. Dan filwaqt li għalkemm Cachia għadu jmur jiġri xorta qatt ma ġie lura mija fil-mija għan-normal. Kien wara li sema’ l-partijiet kollha li fil-Prim Awla Ċivili, l-Imħallef Silvio Meli ordna lil Sport Malta tħallas il-kumpens.