Inċident tat-traffiku seħħ fi Triq Notabile, l-Imrieħel. Is-sewwieq, raġel żgħażugħ, inħareġ mill-karozza u ttieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza.
Iż-żgħażugħ ta’ 21 sena minn Ħal Qormi kien qiegħed isuq karozza tat-tip Peugeot 607 u jidher li tilef il-kontroll u baqa’ dieħel ġo siġra mal-ġenb tal-karreġjata.
Kawża tal-impatt qawwi, il-magna tal-karozza inqalgħat minn postha u tkaxkret għal diversi metri. Ħafna żejt inxtered fit-triq. Fil-ħin tal-inċident kien hemm karozza Toyota Vitz għaddejja fil-karreġjata opposta li ntlaqtet minn biċċiet tal-karozza misjuqa miż-żagħżugħ.
Fuq il-post hemm tliet vetturi tat-tifi tan-nar u ambulanza. Bħalissa l-Pulizija qed jidderiġu t-traffiku iżda t-triq tinsab miftuħa.