Tilef ħajtu Zoran Pavlovic, iċ-ċiklist li kmieni dalgħodu kien involut f’inċident tat-traffiku fl-Imsida.
Il-każ seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart fi Triq Mikiel Anton Vassalli, l-Imsida.
Minn stħarriġ preliminari il li sar fuq il-post mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li għal xi raġuni, ċiklist ta’ 53 sena safa’ milqut minn vettura tat-tip Toyota Vitz li fil-ħin tal-inċident kienet qegħda tiġi misjuqa minn raġel Libjan ta’ 35 sena residenti l-Imsida.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jassistu lill-vittma. Ir-raġel li huwa Serb, residenti r-Rabat, Għawdex ittieħed minnufih l-isptar sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Sfortunatament huwa tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D, li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.