Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-erbgħa, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha. Kif marru fuq il-post sabu raġel mitluq fl-art fi Triq Sant’Andrija, San Ġiljan (ftit ‘l isfel mit-traffic lights ta’ Pembroke).
Ir-raġel kien jidher ferut u kellu xi dmija. Fuq il-post issejħet ambulanza għall-assistenza iżda sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet.
Minn investigazzjonijiet illi saru jidher li r-raġel għandu 20 sena, huwa mill-Olanda u residenti Ħal Għaxaq. Jidher ukoll li x’aktarx huwa safa’ milqut minn vettura li għal xi raġuni telqet minn fuq il-post.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr I Farrugia LL.D li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jgħinuh.
Kull min għandu xi tip t’informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni dwar dan l-inċident huwa ġentilment mitlub jgħaddiha lill-Pulizija billi jirrikorri fl-eqreb Għassa jew, anki b’mod kunfidenzjali, billi jċempel fuq 119 jew 21 224001.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.