Raġel ta’ 47 sena residenti ż-Żurrieq jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara ħabta frontali f’Birżebbuġa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.00a.m, fi Triq Ħal Far meta seħħ impatt bejn vettura tat-tip Opel Tigra misjuqa minn ġuvni ta’ 21 sena residenti Birzebbuġa u mutur tat-tip Honda misjuq minn raġel ta’ 47 sena residenti ż-Żurrieq.
Il-vettura u l-mutur kienu qegħdin jinstaqu f’direzzjoni opposta.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti lill-vittma li ftit wara ttieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr N. Galea Sciberras LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett ta’ Birżebbuġa dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.