Biex l-industrija tal-films tkompli tiżviluppa, il-Kummissjoni tal-films bdiet konsultazzjonijiet dwar leġiżlazzjoni ġdida li tirregola l-industrija. Il-konsultazzjoni qed issir mal-entitajiet relevanti dwar diversi oqsma.
Permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni ġdida, produtturi tal-films barranin se jkunu qed jibbenefikaw minn aktar inċentivi biex jużaw is-servizz ta’ kumpaniji lokali u jimpjegaw crew u atturi Maltin.
Il-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech qal li jeħtieġ li jiġu introdotti linji gwida ġodda li jirregolaw din l-industrija, bl-għan li dan is-settur ikun aktar professjonali. Huwa spjega li għandu jsir reġistru li jinkludi lista ta’ crews, kumpaniji u servizzi li jistgħu jiġu ingaġġati mill-prodotturi.
Dawn li jkunu fuq ir-reġistru għandu jkollhom il-ħiliet meħtieġa u jipprovdu d-dokumenti li juru li lestew it-taħriġ neċċessarju. Se jiġu introdotti wkoll regolamenti ġodda tax-xogħol biex jiġi żgurat li l-liġi tax-xogħol tkun rispettata bis-sħiħ u li l-membri tal-crew lokali jkollhom l-istess kondizzjonijiet ta ‘xogħol tal-membri tal-crew barranin.
Il-baġit allokat għal din l-industrija żdied minn €250,000 għal €300,000. Il-prijorita se tibqa’ tingħata lil produzzjonijiet ta’ kwalitá għolja.
Kien il-Ministru għat-turiżmu Edward Zammit Lewis li ħabbar li l-Kummissjoni għall-films kienet qed taħdem fuq struttura bil-ħsieb li tintroduċi aktar inċentivi biex tattira aktar filmslejn pajjiżna. “Jeħtieġ li Malta tkun għażla kompettitiva fl-industrija tal-films filwaqt li l-aspetti kollha tas-settur jkunu regolati bl-aħjar mod.”
F’taħditiet ma’ produtturi lokali, il-Kummissarju tal-Films ħabbar li l-kummissjoni se tkun qed torganizza inizjattivi ta’ taħriġ ulterjuri u films lokali se jingħataw aktar opportunitajiet biex jiksbu l-esperjenza meħtieġa biex jaħdmu fi produzzjonijiet internazzjonali.
Wara l-iffirmar ta’ ftehim mal-MCAST fl-2015, il-Malta Film Commission u l-MCAST qed iħejju programm ta’ taħriġ fit-tul li l-għan tiegħu huwa li l-Maltin ikunu aktar imħarrġa biex jaħdmu produzzjonijiet lokali.
Il-Konsultazzjonijiet se tkompli matul 2017, biex jiġu diskussi aktar proposti li finalment jinbidlu f’avviżi legali.