Il-Ministru għall-Biedja Anton Refalo ħabbar skema li se tipprovdi inċentivi finanzjarji lill-bdiewa sabiex jamministraw pjan ta’ produzzjoni li huwa bbażat fuq il-provvista u d-domanda tas-suq lokali.
Dan qed isir fid-dawl tal-miri Ewropej tal-Green Deal sabiex tiġi żgurata produzzjoni sostennibbli.
Il-Ministru Refalo ħeġġeġ lill-bdiewa kollha tal-art sabiex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom permezz tal-Pitkalija billi jħarsu l-iżjed lejn il-pjan ta’ produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’.
Dan jista’ jgħin sabiex tonqos il-ħela ta’ prodotti li b’hekk isarraf f’prezz aħjar u f’iżjed produttività għall-bdiewa.
Fit-tnedija ta’ din l-iskema, il-Ministru għall-Bieda spjega li huwa stmat li madwar elfejn bidwi huma eliġġibli sabiex japplikaw għal din l-iskema.
Saħaq li huma jistgħu japplikaw permezz ta’ għotjiet finanzjarji li se jkunu kkalkolati b’mod ekwivalenti għat-taxxa mħallsa b’rabta mal-bejgħ ta’ prodotti agrikoli.
Il-Ministru Refalo stqarr: “Aħna nagħtuhom ammonti bejn il-ħamsin ewro kif ukoll sa għoxrin elf biex hemmhekk aħna nkunu nistgħu naċċertaw u ngħallmu wkoll lill-bidwi illi jagħmel prodott li meta jġibu l-pitkalija jġib il-valur tiegħu.”
Bjorn Azzopardi, Direttur fi ħdan il-Ministeru għall-Biedja, qal li permezz tal-pjan ta’ produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’, il-bdiewa se jkunu jistgħu jiddeterminaw kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-art li jkollhom.
Qal kif l-applikazzjonijiet se jkunu miftuħin mill-ewwel ta’ Ġunju sat-tletin ta’ Lulju fejn kull applikazzjoni se tkun qed tintlaqa’ matul il-ġranet tal-ġimgħa.
Azzopardi qal, “Permezz ta’ din l-iskema qed naspiraw li ngħinu lill-bdiewa tagħna sabiex nippjanaw u jkollna produzzjoni aktar ippjanata, produzzjoni sostennibbli li tevita sitwazzjonijiet fejn ikollna produzzjoni ta’ prodotti partikolari żejda fis-suq u l-ħela tal-ikel.”