Għal sena oħra, VisitMalta se tappoġġja lit-timijiet tal-futbol Maltin li se jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-UEFA, permezz ta’ inċentiv finanzjarju ta’ €10,000.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, li ħabbar li dan l-inċentiv se jiżdied hekk kif kull tim għandu l-potenzjal li jibbenefika minn €10,000 oħra għal kull stadju li javvanza fil-kompetizzjoni rispettiva.
It-timijiet li ser jikkompetu huma Ħamrun Spartans fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, Birkirkara, Gżira United u Balzan Youths fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League, kif ukoll it-tim tan-nisa ta’ Birkirkara fil-UEFA Women Champions League.
It-timijiet imsemmija ser ikollhom il-brand VisitMalta fuq il-kit li ser jilgħabu bih fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA.
Il-Ministru għat-Turiżmu rrimarka kif iż-żieda fl-inċentiv għat-timijiet lokali li se jikkompetu fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA huwa turija ċara ta’ kemm bħala pajjiż m’hemm xejn li jwaqqafna milli nagħmlu iżjed suċċessi fid-dinja sportiva.