Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar li matul dan ix-xahar, permezz ta’ skema ta’ finanzjament, in-naħħala Maltin u Għawdxin ingħataw appoġġ fil-ġlieda kontra l-isfidi li affaċċjaw is-sena li għaddiet minħabba ż-żieda fil-prezz taz-zokkor, il-bidliet fil-klima u l-firxa tal-bagħal taż-żunżan (Vespa orientalis).
L-iskema kienet intiża biex tikkumpensa lin-naħħala għall-ispejjeż ogħla marbuta biex imantnu l-kolonji tan-naħal minħabba n-nuqqas ta’ xita u l-perjodi twal ta’ nixfa. Barra minn hekk, il-finanzjament qed iservi wkoll ta’ inċentiv biex jinvestu f’nases speċjali sabiex jonqos l-għadd tal-bagħal taż-żunżan, insetti li jattakkaw in-naħal u jdgħajfu l-kolonji tiegħu, speċjalment bejn Awwissu u Settembru.

Waqt żjara għand Nicky Zammit, naħħal u l-President tal-Koperattiva Għasel Malti, il-Ministru Anton Refalo saħaq li dan l-inċentiv juri l-impenn tal-Gvern biex iħares is-settur tan-naħal u jappoġġja lin-naħħala li jikkontribwixxu tant għall-biedja u l-ambjent tagħna.
“Permezz ta’ din l-għajnuna, mhux biss komplejna nipproteġu l-produzzjoni tal-għasel Malti, iżda wkoll qed nindirizzaw l-isfidi kruċjali li qed jaffaċċjaw in-naħħala. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif qed inkomplu nsaħħu u nippreservaw is-settur tal-apikultura li huwa tant importanti għal pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Refalo.