Il-Gvern flimkien mal-Malta Enterprise ħabbar skema ġdida li se tgħin kumpaniji u bejjiegħa f’Malta jagħmlu t-transizzjoni għall-bejgħ ta’ prodotti mhux pakkeġġjati fil-plastik li jintuża darba biss.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa negozju li jbigħ dawn it-tip ta’ prodotti.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, responsabbli wkoll mill-Malta Enterprise li ser tamministra din l-iskema, spjegat kif b’hekk se jkun qed jingħata inċentiv sa massimu ta’ €20,000 għall-50% tal-ispejjeż għal kull kumpanija li tagħmel din il-qalba.
Hija stqarret: “Qed inħarsu lejn proġetti li jistgħu jaraw pereżempju fil-każ ta’ ċertu prodotti jkollhom storage u anke l-użu ta’ dispensers biex dawk il-prodotti jingħataw f’kontenitur li jintuża aktar minn darba. Din l-iskema se tkun qed tagħti għajnuna sa €20,000 u se tkun tista’ tkopri sa 50% tal-ispiża li tkun saret.”
Din l-iskema li kienet imwegħda fil-Budget għal din is-sena se tibda tilqa’ l-applikazzjonijiet mil-lum sal-aħħar ta’ Novembru.
Preżenti għal din il-konferenza attenda wkoll il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia li tenna kif permezz ta’ din l-inizjattiva ser ikun qed jitnaqqas l-ammont ta’ ipakkeġġjar, kif ukoll is-single-use plastics, fost oħrajn.
Sostna l-importanza li l-industrija timxi id f’id mal-Gvern sabiex pajjiżna jibqa’ miexi lejn tranżizzjoni ekoloġika u ambjentali.
Il-Ministru Farrugia qal, “Qed naraw li fil-pajjiż għaddejja transizzjoni ekoloġika u waħda ambjentali u dejjem nisqħu li l-industrija importanti li tkun magħna. Fil-fatt, jekk l-industrija tkun magħna ngħaġġlu iktar u nistgħu nimxu lejn id-direzzjoni li pajjiżna għażel.”