L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol u l-Malta Premier League ħabbru li, fl-istaġun li jmiss, il-futbol se jkun qed jingħata inċentiv ta’ €300,000 għal dawk il-klabbs li jagħmlu aktar użu mit-talent Malti.
Din hi waħda mit-tibdil li se jidħlu fis-seħħ fil-Kampjonat Premier Malti, li tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti rappreżentanti mit-timijiet ewlenin.
Dwar dan l-inċentiv tkellem iċ-Chairman tal-Malta Premier League, l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, li spjega li l-idea hi li biex tirreġistra plejer barrani trid tħallas il-flus u, aktar kemm ikollok, aktar trid tħallas.
Dawn il-flus, li jinġabru, se jkunu rdoppjati mill-MFA stess u wara jitqassmu ma’ dawk it-timijiet li jagħmlu aktar użu mit-talent lokali.
“Pereżempju indikatilna li tixtieq li tagħti inċentiv partikolari lil min jilgħab gowlkeepers Maltin ta’ ċertu età, għax hu settur fejn hemm nuqqas ta’ tfal biżżejjed li qegħdin jitilgħu f’dak il-livell. Ħalli lil dawn it-timijiet tagħmillhom il-kuraġġ, jafu li dawn qed jiggwadanjaw tant għal kull logħba li jilagħbu dawn il-plejers.”
Joseph Muscat – Chairman Malta Premier League
Dr Muscat sostna li din mhix sistema li tagħti riżultati pożittivi wara biss staġun, iżda saħaq li dan hu l-ewwel pass, b’dan l-inċentiv għandu jiżdied fis-snin li ġejjin.
Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, spjega li l-Kampjonat Malti se jibda fil-15 ta’ Settembru li ġej u se jkun l-aħħar staġun li se jkun jikkonsisti minn erbatax-il tim. Dan hekk kif fl-aħħar ta’ dan l-istaġun se jkunu relegati erba’ timijiet fiċ-Challenge League.
Hu spjega li, fost it-tibdiliet li se jkun hemm fil-grawnd, hemm li se jkun hemm 22 plejer, bejn dawk li jibdew u dawk fuq il-bank tas-sostituti.
Dan filwaqt li kull tim, minn dan l-istaġun jista’ jirreġistra 14-il plejer barrani, waqt li tnejn oħrajn jistgħu jintbagħtu b’self ma’ tim ieħor. Ġie spjegat li fil-grawnd jista’ jkun hemm sa massimu ta’ tmien plejers barranin.
“Din is-sena, anke mil-livell ta’ format, kompożizzjoni hu kampjonat tranżitorju, jekk inqisu li se jaqgħu erba’ klabbs mill-Kampjonat Premier f’dan l-istaġun biex l-istaġun 2024/25 ikollna tnax-il klabb jikkompetu u mhux erbatax. Dawn huma bidliet u allura t-tranżizzjoni li ħa ssir proprju fl-istaġun li deħlin fih biex inkunu lesti nitilqu mill-istaġun 2024/25.”
Bjorn Vassallo – President tal-MFA
Preżenti wkoll kien hemm il-Viċi President tal-MFA, Matthew Paris u l-Kap tal-Amministrazzjoni tal-MFA, Ivan Vella.