Kienet sena oħra iebsa għall-bdiewa u għall-produtturi tal-inbid, madanakollu n-nixfa li kellna m’affettwatx il-kwalità ta’ dan il-prodott, qal is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes waqt it-tnedija ta’ edizzjoni oħra tal-Qormi Wine Festival.
Is-Segretarju Parlamentari Galdes qal li bil-progress li sar fl-aħħar snin, f’termini ta’ kwalità, l-inbid Malti qed iħabbatha sew ma’ nbejjed oħra impurtati. Żied jgħid li fl-aħħar jiem ġie ppubblikat tender li se jieħu ħsieb kampanja estensiva għall-promozzjoni tal-inbid Malti bil-għan li jiżdied il-konsum tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari rrimarka li n-nixfa li ddominat il-klima Maltija fl-aħħar xhur wasslet biex jinqerdu numru ta’ pjanti, bil-konsegwenza li naqas l-ammont ta’ għeneb. F’dan il-kuntest, qal Roderick Galdes, il-Gvern se jgħin fit-tħawwil ta’ aktar dwieli partikolarment tal-ispeċi indiġeni Maltin, il-ġellewża u l-girgentina.