Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri nieda l-avveniment ta’ Festa Ħut 2017 li se jittella’ nhar is-Sibt li ġej mis-6pm sal-11pm f’Marsaxlokk. L-avveniment qed jiġi organizzat mit-Taqsima Festi Rurali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk.
Clint Camilleri qal li l-villaġġ pittoresk tas-sajjieda se jinbidel f’festa akbar ta’ ħut f’avveniment li sar jagħmel parti mill-kalendarju kulturali Malti u li jattira diversi Maltin u turisti. Attivitajiet bħal Festa Ħut huma parti importanti mill-istrateġija tal-Gvern li jippromwovi l-prodott Malti u l-ħut frisk.
Is-Segretarju Parlamentari kompla dwar kif ġie sostnut l-impenn ta’ dan il-gvern lejn is-settur u enfasizza li fl-ewwel mitt jum tal-Gvern kien qrib is-sajjieda f’diversi riformi u f’organizzazzjonijiet fosthom il-ftuħ tal-istaġun tal-lampuki f’Marsaxlokk, filwaqt li żamm mal-wegħda elettorali li ma jiddaħħlux kwoti individwali fuq il-qabda tas-sajd tal-pixxispad. Clint Camilleri żied li se jkun qed jara li l-ħidma tas-sajjieda tkompli tiġi ffaċilitata matul din il-leġiżlatura kemm mill-aspett ta’ proċedura kif ukoll mill-aspett infrastrutturali bħalma sar fil-hardstanding facility f’Marsaxlokk.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw ukoll dettalji dwar il-bejgħ ta’ ħut frisk, il-varjetà kontinwa minn artisti popolari Maltin, gabbani b’ikel varjat u spazju kreattiv għat-tfal, filwaqt li r-ristoranti tal-lokal se jkunu miftuħin biex isajru riċetti speċjali bil-ħut fl-okkażjoni ta’ din l-attività annwali.
Se jkun hemm ukoll stalls tal-artiġjanat u ta’ snajja’ oħra bil-parteċipazzjoni ta’ Maltin u anke ta’ Għawdxin, u l-promenade se tkun magħluqa għall-vetturi waqt Festa Ħut biex il-pubbliku jgawdi aħjar ix-xatt ta’ Marsaxlokk.
Is-Sindku ta’ Marsaxlokk stieden lil kulħadd biex jattendi din l-attività sabiex għal sena oħra tkun ta’ suċċess. Qal li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ħa ħsieb li jkun hemm numru adegwat ta’ bejjiegħa biex tintlaħaq id-domanda tal-pubbliku fl-attività filwaqt li rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-għajnuna tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri ħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi din l-attività filwaqt li rringrazzja lit-Taqsima Festi Rurali għax-xogħol tagħha, lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u lil dawk kollha involuti f’din il-ħidma biex dan l-avveniment ikun ta’ suċċess.