L-1 ta’ Settembru, 1939. L-ewwel bombi tal-Assi ħasdu l-belt ta’ Wielun fil-Polonja, biex b’hekk immarkaw il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Kellhom ikunu sitt snin ta’ għaks, ġuħ, tiġrib, mewt, u mard. Sitt snin ta’ instabbiltà ekonomika u mibegħda li ħafna jazzardaw jgħidu li għadna nbatu l-konsegwenzi tagħhom sal-lum.
27,000 persuna nqatlu kuljum madwar id-dinja bejn Settembru 1939 u u Settembru 1945, f’dik li għadha deskritta bħala l-aktar gwerra distruttiva fl-istorja. Il-Ġermanja Nazista, l-Italja Faxxista u l-Imperu Ġapuniż kienu l-imħuħ ewlenija wara dan il-massakru kontra l-Alleati, li fosthom kien hemm ukoll Malta, il-‘Fortizza’ tal-Imperu Brittaniku fil-Mediterran.
Tul il-jum tal-Ħadd, il-mexxejja dinjija kienu l-Polonja biex flimkien ifakkru l-ġrajja atroċi li swiet il-ħajja ta’ madwar sitt miljun Pollakk. Emozzjonat, il-President Ġermaniż Frank-Walter Steinmeir, b’ilsien pajjiżu u bl-ilsien Pollakk qal:
“Inbaxxi rasi quddiem il-Pollakki li sfaw vittma tat-tirannija tal-Ġermanja, u nitlob skuża”. Min-naħa tiegħu, il-President Pollakk Andrzej Duda qal li l-Polonja kellha tkun riflessjoni ta’ x’tip ta’ gwerra kienet se tkun, waħda mingħajr regoli, waħda distruttiva, gwerra totali.
Tmenin sena wara l-Polonja għadha s’issa titlob kumpens mill-Ġermanja tat-tiġrif li kellha ssofri f’dawk is-snin ta’ gwerra, u tal-imwiet u t-telf li sofrew il-familji Pollakki. B’rabta mat-tfakkira tal-bidu tal-Gwerra, aktar tard il-Ħadd, il-mexxejja dinjija fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-Viċi President tal-Istati Uniti Mike Pence se jattendu ċerimonja kommemorattiva fil-Kapitali Pollakka, Varsavja.
Intant il-President George Vella se attenda għaċ ċeremonja tat-80 anniversarju mill-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija f’Varsavja.
Il-President ta’ Malta kien preżenti fil-Polonja għaċ-ċeremonja uffiċjali b’kommemorazzjoni għat-80 anniversarju mill-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija fuq stedina tal-gvern Pollakk.
Il-President george Vella stqarr li “r-relevanza hi li wieħed jitgħallem mill-iżbalji u ideoloġiji ta’ dak iż-żmien, minn saħħa militari li ma kinitx ikkontrollata u ġabet ħerba. Miljuni tiflu ħajjithom u għad kemm familji jsofru dan it-telf. Iżda bħal ma qal il-Viċi President Amerikan, il-lezzjoni mhux vera ma tgħallimnihiex”.
Iċ-ċeremonja saret fil-Pjazza Piłsudski, fejn il-President tal-Polonja Andrzej Duda u l-President tal-Ġermanja Frank-Walter Steinmeier għamlu diskors għall-okkażjoni.
Sakemm il-President ikun Varsavja, is-Sinjura Dolores Cristina se sservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta.