Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia f’ċerimonja li saret ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, inawgura s-sezzjoni l-ġdida tal-K9, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Alex Dalli.
Il-Ministru Michael Farrugia saħaq li l-investiment tas-sezzjoni tal-K9, bi kmamar għall-klieb, area ta’ taħriġ, u uffiċini, ġie jiswa madwar €80,000. Ix-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Inxtraw sitt iklieb ġodda u ġew ingaġġati handlers professjonali, kemm Maltin kif ukoll Ingliżi, sabiex jagħtu taħriġ lill-uffiċjali tas-sezzjoni tal-K9 ġewwa l-faċilità. Is-Sezzjoni tal-K9 fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tħaddan magħha 13-il handler u 13-il kelb.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li fi ħdan l-Aġenzija ser ikun qed isir tibdil kemm fil-binja, kif ukoll fl-istruttura tal-amministrazzjoni, sabiex jitjieb is-servizz tal-faċilità. Il-Ministru qal li parti integrali mill-funzjoni tal-Aġenzija hija r-rijabilitazzjoni tar-residenti tal-faċilità, u b’hekk ser tkun qed tkompli tissaħħaħ il-ħidma fuq dan l-aspett.
Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja l-ħidma kontinwa li ssir mill-uffiċjali tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, mill-membri tal-Pulizija u mill-uffiċjali tad-Dwana fil-ġlieda ta’ kuljum kontra l-kriminalità. Il-Ministru, filwaqt li qal li hu kburi li d-droga fil-faċilità tnaqqset drastikament, tenna li qed tiġi evalwata l-possibilità ta’ investiment sabiex tinbena faċilità ġdida addattata għas-seklu 21. Huwa rringrazzja lill-amministrazzjoni u lill-uffiċjali kollha tal-ħidma tagħhom għall-ġid tas-soċjetà.
Is-Sur Dalli qal li lillhinn mill-binja, inbena tim ta’ esperti, inġiebu instructors minn Malta u mill-Ingilterra, u llum l-Aġenzija għandha l-aqwa skwadra bl-aqwa taħriġ u apparat, li lesta taqdi lil dan il-pajjiż mingħajr biża’. Flimkien ktibna storja ta’ suċċess”, ikkonkluda s-Sur Dalli.
Matul iċ-ċerimonja, saru simulazzjonijiet qosra b’sitwazzjonijiet reali ta’ salvataġġ u tfittix għad-droga. Il-Ministru Michael Farrugia, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Dalli, qasmu ċ-ċertifikati lil kull min ta’ sehmu biex tinbena din is-sezzjoni u lill-handlers tal-K9, filwaqt li l-klieb ingħataw ir-rank ta’ Surġent. Fr Martin Mamo, il-Kappillan tal-faċilità, bierek il-binja tas-sezzjoni l-ġdida tal-K9.
Ritratti – MHAS