Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qegħdin isiru matul din is-sena fil-Kalkara fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-wasla tal vara titulari ta’ San Ġużepp, nhar il-Ħadd 14 ta’ Lulju ser jiġi inawgurat proġett estensiv ta’ restawr u induratura ġdida fuq din l-istess vara. Ix-xogħol mill-ifejn ta’ induratura sar minn Ruben Camilleri Cauchi fuq disinji ta’ Adonai Camilleri Cauchi, bl-għajnuna ta’ Michael Camilleri Cauchi, filwaqt li x-xogħol ta’ restawr sar minn Semira Bugeja.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-Parroċċa tal-Kalkara kienet l-unika waħda f’pajjiżna li tilfet għal kollox il-vara titulari tagħha dakinhar li ġiet imġarrfa totalment il-Knisja Parrokjali preċedenti. Ftit snin wara din il-ġrajja kerha, Ġużeppa Vella uriet ix-xewqa li tħallas vara ġdida ta’ San Ġużepp bħala wegħda li kienet għamlet fil-gwerra. Il-Kappillan Mons. Carmelo Xuereb għarraf b’din ix-xewqa lill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi li ddeċieda li jieħu ħsieb l-ordni ta’ din l-istatwa. Huwa nkariga lill-Kavallier Vincenzo Bonello, kuratur tal-Mużew tal-Arti tal-Belt, biex jagħmel disinn ta’ vara devozzjonali b’simboliżmu meqjus. Id-disinn ġie approvat mill-Kummissjoni Pontifiċja tal-Arti Sagra fil-Vatikan u din il-vara ġiet minquxa fl-injam ġewwa r-raħal ta’ Ortisei fil-provinċja ta’ Bolzano fl-Italja, milliskultur Ferdinando Stuflesser.
Il-vara l-ġdida ta’ San Ġużepp waslet Malta f’Diċembru 1948 u ġiet merfugħa fil-Kunvent tat-Tereżjani f’Bormla. 75 sena ilu, nhar it-13 ta’ Marzu 1949, il-vara twasslet trijonfalment permezz ta’ pellegrinaġġ minn Bormla sal-Kalkara. F’din l-istatwa San Ġużepp jidher bil-Bambin ma’ ġenbu qed iserraħ idu fuq spalltu, filwaqt li fl-id l-oħra qed iżomm simbolu tal-Vatikan magħfus ma’ qalbu, rifless tad-dikjarazzjoni li huwa Patrun tal-Knisja universali. Maż-żmien saret l-induratura, bankun u
bradella, u anki mant biex jitqiegħed taħtu. Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi ħalla b’wirt lil din il-vara ssalib pettorali tiegħu.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ nhar il-Ħadd 14 ta’ Lulju ser tilħaq il-qofol tagħha fil-5.30 ta’ filgħaxija meta l-vara restawrata u indurata mill-ġdid ta’ San Ġużepp ser tkun qed taqsam il-Port il-Kbir ta’ Malta permezz ta’ traġitt minn fuq il-baħar mill-Marsa sal-Kalkara. Ser ikunu qed jakkumpanjawha id-dgħajjes tar-regatta tal-Kalkara, kif ukoll numru ta’ opri tal-baħar. Kif il-vara tasal fuq il-moll tal-Kalkara, ser jilqgħuha ż-żewġ baned Kalkariżi, il-Banda San Ġużepp u l-Banda Sagra Familja, li permezz ta’ marċ max-xatt ser iwasslu lill-vara titulari ta’ San Ġużepp fil-Knisja Parrokkjali fejn hemmhekk tiġi milqugħa bl-antifona u l-innu popolari.