Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana flimkien mas-sindku u kunsillieri tal-lokalità ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi, inawguraw monument ġdid fil-lokalità u proġett ġdid ta’ taraġ.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru għal Għawdex qalet li Għajnsielem huwa l-ewwel lokalità li jiltaqa’ magħha min jiġi jżur gżiritna. Għalhekk, il-pożizzjoni strateġika ta’ Għajnsielem tirrekjedi li din il-lokalità għandha tinżamm f’kundizzjoni ottimali. Huwa għalhekk li l-Mimisteru għal Għawdex qed jinvesti bis-sħiħ f’din il-lokalità kemm fejn tidħol infrastruttura, u kemm fejn jidħlu attivitajiet, inizjattivi u proġetti.
Fakkret kif fil-baġit diġà ħabbret li l-ministeru flimkien mal-Parroċċa ta’ Għajnsielem ser jagħmlu l-proġett tal-pjazza flimkien ma’ sensiela ta’ toroq ċirkondanti fosthom Triq il-Hamri li għaliha ġew investiti €122,000 u x-xogħol mistenni jibda dalwaqt.
Inizjalment, il-proġett tat-taraġ kien il-proġett primarju li minnu nibtet l-idea tal-monument spirat proprju miż-żewġ pjazez li tqiegħed dan il-monument, Pjazza 10 ta’ Diċembru u Pjazza Madonna Loreto.
Dan il-monument jirrappreżenta żewġ realtajiet tal-ħajja soċjali; dik li għexu missirijietna għexieren ta’ snin ilu, u dik li qed ngħixu llum. Fuq in-naħa tax-xelluġ ta’ dan il-bank, insibu żewġ figura ta’ mara u raġel li qegħdin jirrappreżentaw il-ħajja tal-pjazza. Dan juri l-kuntatt soċjali, li kien isir b’mod fiżiku billi n-nies kienu jiltaqgħu flimkien u jqattgħu ħin jgħidu kelma fuq xi bank tar-raħal. Fil-parti l-oħra ta’ dan il-monument insibu tfajla mgħedija bil-mobile f’idejha. Din il-figura tirrappreżenta s-soċjetà preżenti fejn l-avvanz teknoloġiku bidel kompletament il-mod tal-komunikazzjoni. L-individwu jikkomunika mal-kumplament tad-dinja b’sempliċi apparat teknoloġiku f’idu. Il-monument huwa biċċa xogħol oħra tal-artist bravu u promettenti Għawdxi Manuel Farrugia.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-iskop tal-monument huwa interpretazzjoni ħajja tas-soċjetà preżenti u l-faxxinu tagħha huwa l-amalagamazzjoni ta’ dak li qed ngħixu bih u li ma nistgħux ngħaddu mingħajru, bħat-teknoloġija, man-normi u tradizzjonijiet distinti għalina l-Maltin u l-Għawdxin bħad-diskursati fuq il-bank tal-pjazza. L-idea u l-ispirazzjoni nfushom joffru perspettiva unika għal għajnejn ta’ din il-ġenerazzjoni u tal-ġenerazzjoni l-anzjani.
Is-Sindku ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi irringrazzja lill-Ministru ghal Ghawdex għall-għajnuna kontinwa u qal li dan il-monument huwa tassew ritratt denju tal-lokalità fejn hemm taħlit sħiħ ta’ etajiet. Huwa sostna li il-monument minnu nnifsu jattratta l-attenzjoni u anke l-ħsieb ta’ min jarah. L-idea hija li l-lokalità tkompli turi l-apprezzament tagħha u tkompli tinvolvi ruħha fit-tiġdid tas-soċjetà.
Ritratti: MGOZ