Ġie inawgurat gym fil-miftuħ fil-Ġnien Dama Cecili Pick fil-Qrendi. Dan wara li f’dawn l-inħawi nħass il-bżonn li jkun aktar spazju rikreattiv, kif ukoll li jkun hemm aktar tħawwil ta’ siġar indiġeni u anke endemiċi. Dan il-proġett jinkludi wkoll vaska li tpoġġiet fil-parti ċentrali tal-ġnien u tħalla spazju rikreattiv għat-tfal.
Għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett kien hemm preżenti kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima u s-Sindku tal-Qrendi David Schembri.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li għandna nagħtu importanza lill-postijiet pubbliċi u spazji rikreattivi fejn tfal u familji jkunu jistgħu jistrieħu u fl-istess ħin jissoċjalizzaw ma’ sħabhom.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima semma li bħalissa f’numru ta’ rħula madwar Malta qed naraw dawn it-tip ta’ proġetti li għalkemm jistgħu jidhru żgħar, għandhom sinifikat importanti ħafna għax fiċ-ċentru tagħhom hemm l-iżvilupp sħiħ tat-tfal tagħna.
Matul is-snin, diversi ministeri, entitatjiet governattivi kif ukoll kumpanija privati taw l-appoġġ tagħhom lil Ġnien Dama Cecilia Pick, magħruf mal-Qrendin bħala l-Ġnien tal-Warda.
Din l-inizjattiva timxi fuq l-istess linji tal-gvern u l-isfida nazzjonali kontra l-obeżità f’pajjiżna, bil-ħsieb li l-pubbliku jkun jista’ jagħmlu l-eżerċizzju f’post sigur u trankwill.