B’investiment ta’ madwar miljun u tliet mitt elf ewro, ko-finanzjati minn fondi Ewropej, ġew inawgurati żewġ rhibs u ħames vannijiet għall-Korp tal-Pulizija, li se jsaħħu l-kapaċitajiet tal-Korp fis-sorveljanza tal-fruntieri.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li b’dan l-investiment, il-Korp qed ikompli jsaħħaħ il-flotta tiegħu u jtejjeb il-ħajja tal-uffiċjali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Qal, “Dan l-investiment fil-Korp tal-Pulizija qed ikompli jsaħħaħ ir-riżorsa tiegħu f’dik li hija sorveljanza tax-xtut ta’ pajjiżna biex allura nkomplu nagħmlu lil pajjiżna fost l-aktar pajjiżi siguri fid-dinja.”
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri spjega kif dan l-investiment jikkumplimenta oħrajn li saru fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin, fosthom vetturi u uniformijiet ġodda, u anki fir-riżors uman.
Stqarr, “L-investiment fin-nies li sar kemm meta ffirmajna ftehim kollettiv u anki qed ninnegozjaw ftehim kollettiv ieħor għaż-żmien li ġej però wkoll investiment fl-għodda li ta’ kuljum jużaw huma parti mix-xogħol tagħhom. Din tal-lum, kemm l-investiment f’dawn il-vetturi u anki f’dak li għandu x’jaqsam fuq il-baħar, ikompli jikkonferma dan kollu, fejn kemm minn fondi nazzjonali u anki minn fondi Ewropej, qed nagħtu l-investiment, l-għodda kollha possibbli, lill-Korp tal-Pulizija, anki bħalma nagħtu lill-Korp dixxiplinati kollha ta’ pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett qal li l-fondi huma parti mill-proġett, “Malta Police Force’s Specific Actions for Border Surveillance”, iffukat fuq it-tisħiħ tas-sorveljanza u s-sigurtà tal-pajjiż.
Qal, “Bil-fondi Ewropej ninvestu fl-ambjent, fil-proġetti kapitali, fil-kultura, però ħaġa importanti mmens li nagħmlu hija li ninvestu wkoll fis-sigurtà ta’ pajjiżna biex naraw li l-fruntieri tagħna u tal-Ewropa jkunu protetti u dan l-investiment li sar mill-Pulizija permezz tal-fondi Ewropej, se jkompli jara li ċ-ċittadini tagħna jibqgħu jgħixu b’sigurtà. Bil-home funds imbagħad, għandna s-seba’ snin li ġejjin fejn mija u tmienja u għoxrin miljun ewro se jkunu qed jiġu investiti għal darb oħra fis-sigurtà taċ-ċittadini tagħna għax irridu ngħixu f’Malta trankwilla.”