Tlesta u ġie inawgurat proġett ta’ rinovar li involva xogħol estensiv fl-istadium tal-atletika Matthew Micallef St John fil-Marsa. Dan b’investiment ta’ żewġ miljun u nofs ewro.
B’hekk l-atleti Maltin li ta’ kuljum jagħmlu l-almu tagħhom u jitħarrġu fid-dixxiplini differenti tal-atletika issa se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn kliniċi, lecture room u changing rooms ġodda fost oħrajn.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie spjegat kif b’hekk issa l-atleti se jgawdu minn faċilitajiet attrezzati kif jixirqilhom biex jiksbu r-riżultati.
Dwar dan tkellimna mal-Perit tal-Proġett u l-kowċ Mario Bonello.
“Il-grupp ta’ periti li kollha qed naħdmu fuqu konnha kollha atleti allura konna nafu eżattament dak li għandna bżonn f’din il-faċilità u x’jonqos biex ikollna faċilità verament ta’ dak li jkollhom bżonn l-atleti waqt li qed jittrenjaw. Min-naħa l-oħra minn aspett ta’ kowċ u direttur tekniku tal-Athletics Malta, issa b’dawn il-faċilitajiet verament qed inkomplu nippreparaw anki għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar kif nixtiequ.”
Dan l-istadium tal-atletika tlesta proprju ftit xhur qabel pajjiżna se jospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Mejju li ġej.
Il-Kap Eżekuttiv Mark Cutajar qal li l-aspettativa hija li waqt dawn il-logħob naraw il-bandiera Maltija u nisimgħu l-innu Malti.
“Bla dubju ta’ xejn din hija ġojjell għall-atletika Maltija. Issa minn trakka rnexxielna nagħmluha stadium. L-investiment li sar, sar investiment tekniku. Iż-żewġ gyms, wieħed high performance u wieħed tal-grass roots tassigura li jkun hemm kontinwità u bla dubju ta’ xejn l-istennija tagħna hija għad-29 ta’ Mejju.”
Intant iċ-Chairman ta’ SportMalta Andrew Decelis stqarr li l-entità se tkompli tagħmel insistenza fuq il-litteriżmu fiżiku. Hu spjega li hemm probabbilità akbar li t-tfal jibqgħu jipprattikaw l-isport jekk jintroduċu ruħhom mal-isport minn eta żgħira. Decelis irrimarka li din is-sena hija waħda storika għall-isport Malti u jittama li l-legat tagħha jibqa’ għal snin twal.
Min-naħa tiegħu l-Ministru responsabbli mill-Isport Clifton Grima rrimarka li b’dan l-investiment, trakka tat-tieni kategorija ġiet żviluppata fi trakka tal-ogħla livell.
“Pajjiżna għandu potenzjal li jkun ċentru sportiv f’nofs il-Mediterran. Pajjiżna għandu l-potenzjal li jorganizza attivitajiet internazzjonali tal-ogħla livell u proprju f’Mejju illi ġej ħa nkunu qed naraw il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar u allura possibilità enormi illi bħala pajjiż nuru li kapaċi norganizzaw u fuq kollox nagħtu pjattaforma lill-atleti tagħna sabiex jiksbu riżultati fuq livell internazzjonali u allura jikkonfermaw kemm huma ambaxxaturi denji għal pajjiżna.”
Dan il-proġett se jingħaqad f’kullana ta’ diversi proġetti sportivi oħra li seħħu matul is-snin sabiex tissaħaħ l-infrastruttura sportiva ta’ pajjiżna.