Fl-Imtarfa ġew inawgurati xogħlijiet ta’ rinovazzjoni fil-kwartieri tal-Imtarfa Scouts, li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Infrastruttura Malta.
Dawn ix-xogħlijiet raw it-tibdil tad-dawl ta’ barra, rinovar ta’ faċilitajiet sanitarji u anke t-tqegħid ta’ panelli fotovoltajiċi.
Apparti minn hekk, Infrastruttura Malta ħawlet numru ta’ siġar u arbuxelli fil-bitħa u ż-żona tal-ikkampjar.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg qal kif dawn l-għaqdiet huma spazji importanti għall-edukazzjoni u r-rikreazzjoni taż-żgħażagħ, u għalhekk huwa kruċjali li dawn is-siti jkollhom ambjent sigur.
Fuq kollox, dan ir-rinovar huwa xhieda ta’ kif il-Gvern għandu għal qalbu l-investiment fil-komunitajiet.
Qal, “Huma xogħlijiet li fil-kuntest ta’ proġetti kbar, huma affarjiet żgħar imma għal dik il-komunità, għal dawn it-tfal, għal min imexxi l-Iscouts, l-għaqda mhux governattiva, ikunu qed jagħmlu d-differrenza u jagħtu allura kwalità ta’ edukazzjoni informali lil uliedna u liż-żgħażagħ tagħna.”
Ix-xogħlijiet mhux se jieqfu fl-Imtarfa, hekk kif id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Infrastruttura Malta huma impenjati li jkomplu jagħmlu differenza pożittiva fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.