Illejla ġiet inawgurata mill-ġdid il-Mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq.
Dan wara li fid-19 ta’ Marzu 2022, il-mitħna ġarrbet ħsarat estensivi minħabba l-maltemp u r-riħ qawwi li kien ħakem lill-gżejjer Maltin.
Minn dakinhar ’l hawn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi imbarka fuq proċess li ra t-tiswijiet meħtieġa u anke ħsarat oħrajn li ġew ikkawżati mal-milja taż-żmien biex din l-ikona rari reġgħet ħadet il-glorja oriġinali tagħha.
Il-Mitħna tax-Xarolla, hi meqjusa bħala simbolu fir-raħal taż-Żurrieq, inbniet ‘il fuq minn mitejn sena ilu, fl-1724 fi żmien il-Gran Mastru Antonio Emanuel de Vilhena u tieħu isimha minħabba li kienet mibnija fuq art imsejħa x-Xagħra tal-Għolja.
Aktar tard, fl-1791 inbena t-tieni sular tal-mitħna li serva bħala residenza għall-familja tat-taħħan li kien iħaddimha.
Fl-1996, il-Mitħna tax-Xarolla kien sarilha xogħol ieħor ta’ restawr, inċidentalment minn uħud mill-istess ħaddiema, li wettqu x-xogħlijiet fl-aħħar sena. Dak iż-żmien kienu għadhom apprentisti mad-Dipartiment.
Ix-xogħlijiet kienu rigorużi fejn fost l-oħrajn kellhom jinbidlu s-sitt arbli ta’ 30 pied-il wieħed, maħrufa bħala l-antarjoli, kif ukoll saru mill-ġdid l-antenni, il-ventijiet, it-travu ċentrali u s-saqaf tal-mitħna stess.
Fiċ-ċerimonja tal-okkażjoni, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, stqarr li dan il-proġett hu xhieda tal-ħidma tal-Gvern ċentrali fil-konservazzjoni tal-wirt storiku tagħna u tal-użu għaqli tar-riżorsi pubbliċi.
Zrinzo Azzopardi żied jgħid li għalhekk hu d-dmir tagħna li dan il-wirt storiku jkompli jiġi ppriservat għall-ġenerazzjonijiet futuri. Hu rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi li ħadmu biex il-mitħna tista’ terġa’ titgawda fl-intier tagħha.
Fid-diskors tagħha, is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet li sa minn dakinhar stess li l-mitħna saritilha l-ħsara fil-maltempata, l-għajnuna u l-messaġġi ta’ solidarjetà, fosthom anke tal-Prim Ministru Robert Abela, ma naqsux biex, hekk kif ikkommetta ruħu l-Gvern, issa l-mitħna reġgħet ġiet fi stat operabbli mill-ġdid.
Is-Sindku temmet id-diskors tagħha wkoll b’ringrazzjament speċjali lil dawk kollha li kienu involuti f’dan il-proġett ta’ restawr u rikostruzzjoni.