Aktar kmieni din is-sena ġew inawgurati uffiċini konsolari ġodda tal-Ambaxxata Maltija ġewwa l-Eġittu. L-uffiċini ġodda jinsabu fl-istess binja li tinsab id-delegazzjoni Ewropea fiha. Apparti hekk, dawn l-uffiċini apparti li joffru aktar sigurta’ u karatteristiċi oħrajn li huma bżonnjużi għall-ħaddiema tal-Ambaxxata. Il-proġett sħiħ sewa €300,000 u ġie ffinanzjat mill-European Union Internaal Security Fund.F’kummenti lil dan il-portal, il-Ministru Carmelo Abela qal li l-Ministeru jara dan bħala pass importanti fir-relazzjoni ta’ Malta mal-Eġittu. Huwa semma kif fis-seklu 16, l-istoriċi diġa sabu evidenza ta’ negozjanti Maltin ġewwa l-Eġittu, u li meta infetaħ il-Kanal ta’ Suez, il-kuntatti ma’ Malta immultiplikaw. “Saħansitra kellek ħafna bastimenti li kienu jieqfu Malta qabel jgħaddu mill-Kanal ta’ Suez u jibqgħu sejrin jew l-Indja, inkella kolonji oħrajn”. Apparti hekk, ir-relazzjoni diplomatika formali bejn Malta u l-Eġittu ġiet stabbilita aktar minn ħamsin sena ilu fl-4 ta’ Novembru tal-1965.
Filwaqt li fl-1939, id-dijaspora Maltija fl-Eġittu kienet tlaħħaq l-20,000 ruħ, illum il-ġurnata huma 95 il-Maltin li jgħixu hemmek. Mill-banda l-oħra, huma 357 l-Eġizzjani li jgħixu Malta. Tul iż-żminijiet ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jikbru, fejn anke ġew iffirmati 19-il ftehim u anke kien hemm numru kbir ta’ skambji ta’ livell għoli.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm l-Ambaxxatur Malti Charles Sultana, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fl-Eġittu Ivan Surkoš, id-Direttur Ġenerali għall-Politika fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Maria Calleja, il-Kelliem tal-Ministeru Brendan Zerafa, il-Viċi Kap tal-Missjoni Maltija fl-Eġittu u Konslu Jennifer Orlando Skaerbaek u l-istaff kollhu tal-Ambaxxata. Apparti hekk kienu preżenti wkoll il-Banda Żejtun li daqqew kemm l-innu Malti u kif ukoll dak Eġizzjan.