Ilbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura uffiċini ġodda tal-Bank of Valletta li jinsabu fi Triq ix-Xatt, il-Gżira. Il-binja il-ġdida qed tilqa’ fiha il-fergħa tal-BOV u ċ-Ċentru għal Investimenti li ser ikunu qed jaqdu lill-komunità lokali, kif ukoll il-funzjoni tal-Ethics and Employee Development u ċ-Ċentru ta’ Taħriġ, li ġew rilokati mill-Belt Valletta.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm iċ-Chairman tal-BOV Deo Scerri, il-Kap Eżekuttiv Mario Mallia, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u Tas-Servizzi Manuel Mallia. Id-Diretturi tal-Bank u membri tal-Bord Maniġerjali tal-BOV, flimkien ma’ mistednin distinti u impjegati tal-BOV kienu preżenti wkoll.
Il-Prim Ministru rrikonoxxa li l-BOV huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta. “Dan l-investiment, li l-BOV qed jagħmel, fl-istess ġurnata li ħabbar il-profitti tal-ewwel sitt xhur tas-sena huwa important ferm. Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija lokali u fl-istess ħin jiżgura l-istabbiltà tagħha. Illum, il-BOV huwa l-aktar plejer attivi f’dan settur, u bħala tali, għandu rwol kruċjali x’jilgħab.” Dr Muscat qal li l-Bank għandu storja twila li hi marbuta b’mod sħiħ mal-ekonomija lokali. Huwa kkonkluda billi qal li, “Huwa importanti li l-BOV ikun preparat biex jilqa’ l-isfidi li ġejjin u jkompli jkun attiv u jixpruna t-tkabbir tal-ekonomija.”
F’diskors qasir, iċ-Chairman tal-Bank qal, “Illum qegħdin niċċelebraw il-finalizzazzjoni ta’ proġett kbir li beda f’Settembru 2013. Din il-binja kienet żviluppata mill-ġdid. Illum qed tilqa’ fiha diversi attivitajiet li jduru madwar il-klijent, u ser ikun hawn erbgħin impjegat jaħdmu hawnhekk.”
L-investiment tal-Bank f’dan il-proġett kien jammonta għal €1.9 miljuni. Is-Sur Scerri spjega li l-komunità tan-negozju f’din il-lokalità qed tikber b’rata mgħaġġla, u dan l-investiment jirrifletti l-impenn tal-Bank li effettivament ikun qrib il-klijenti tiegħu. In-netwerk tal-Bank attwalment tiġbor fiha 42 fergħa u flotta ta’ 93 ATM madwar Malta u Għawdex.
“Flimkien mal-Fergħa u ċ-Ċentru għall-Investiment, dan il-bini se jospita l-funzjoni tal- Ethics and Employee Development li twaqqfet fl-2016. Għalkemm għadha fl-istadju bikri tagħha, din l-unità għandha rwol kruċjali x’taqdi, primarjament bit-tisħiħ tal-kultura fost l-impjegati tal-organizzazzjoni, u b’hekk inkomplu nsaħħu l-istruttura tal-governanza tal-Bank,” kompla Deo Scerri.
Iċ-Ċentru għat-Taħriġ tal-Bank, li ilu jopera mill-Belt għall-dawn l-aħħar għoxrin sena se jkun ukoll rilokat għall-Gżira. Dan kien l-ewwel ċentru tax-xorta tiegħu f’Malta. Is-sena l-oħra biss, ’il fuq minn 2,800 impjegat attendew minn tal-inqas kors wieħed organizzat minn dan iċ-Ċentru.
“Ir-rilokazzjoni ta’ dawn iż-żewġ unitajiet fl-uffiċini l-ġodda huwa investment dirett fl-impjegati tagħna, u wieħed indirett fil-klijenti tagħna,” qal Mario Mallia. “It-tnejn huma funzjonijiet importanti għall-Bank biex jimplimenta l-istrateġija tiegħu u jibqa’ l-fornitur ewlieni tas-servizzi finanzjarji f’Malta. Din id-deċiżjoni se tissarraf f’faċilitajiet mgħammra aħjar għat-taħriġ tal-impjegati, u turi biċ-ċar it-twemmin tagħna li l-impjegati tagħna għandhom rwol kruċjali f’din l-organizzazzjoni.”
Iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv irringrazzjaw lill-impjegati li kienu involuti direttament biex dan il-proġett ikun finalizzat. Huma rringrazzjaw ukoll lill-klijenti tal-kooperazzjoni tagħhom matul il-perjodu ta’ rilokazzjoni.