Kienu inawgurati l-uffiċini l-ġodda li qiegħed jopera minnhom id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.Dan id-Dipartiment joffri servizzi għal eluf ta’ anzjani, permezz ta’ 21 servizz fil-komunità, u l-immaniġjar ta’ madwar 2,200 sodda f’diversi djar residenzjali, kemm privati kif ukoll pubbliċi. Filwaqt li l-uffiċini l-ġodda ser ikunu qegħdin jaħdmu fihom ta’ kuljum madwar 170 impjegat, id-Dipartiment b’kollox iħaddem madwar 700 impjegat u jikkordina kuntratti li jinvolvu l-impjieg ta’ eluf ta’ ħaddiema fl-għoti tas-servizzi.
F’kuntest ta’ ġenerazzjoni li qiegħda dejjem tikber fl-età, dan is-settur għandu bosta talbiet, fosthom numru ta’ persuni li jkunu jixtiequ jidħlu fid-djar residenzjali u dawk li għandhom bżonn il-kura fil-komunità. Il-Gvern qiegħed jirrispondi u anke jkun proattiv u innovattiv sabiex joffri servizzi u appoġġ bl-aħjar mod anki jekk kontra l-kurrent.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis fakkar li dan id-Dipartiment għandu rwol importanti ħafna fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ politika soċjali li tippromwovi ħajja indipendenti fil-komunità fost l-anzjani u anzjanità attiva. Dan filwaqt li jara wkoll li dawk l-anzjani li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità jkunu jistgħu jgħixu b’dinjità ġewwa djar residenzjali.
F’din l-okkażjoni, id-Direttur tad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Patrick Vella, qal kemm din it-tranżizzjoni minn bini antik għal binja moderna kienet pass importanti sabiex tiżdied l-effiċjenza u kordinazzjoni aħjar fid-Dipartiment, wara li għal żmien twil kien jopera minn għadd ta’ postijiet differenti.