Inawgurati uffiċini ġodda fil-kumpless ECOHIVE fil-Magħtab sabiex il-WasteServ tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha biex ittejjeb l-istandards ambjentali.
L-uffiċċini il-ġodda mistennija jilqgħu diversi dipartimenti importanti fosthom dawk responsabbli mill-proġetti, ir-relazzjonijiet pubbliċi, is-saħħa u s-sigurtà u s-sistemi tal-immaniġġjar u l-konformità.
Waqt l-inawgurazzjoni kien innutat kif matul is-sena l-oħra l-WasteServ qabżet ir-rekord proġettat, fejn kważi dsatax-il elf tunellata ta’ materjal riċiklabbli ta’ kwalità tajba ġew rritornati fl-ekonomija.
Dan ifisser li l-WasteServ kontinwament qed tingaġġa talent ġdid biex tkompli twessa’ l-operat tagħha.
Intant ir-rekord fil-ħidma tal-aġenzija kien attribwit għar-riżors uman ta’ kwalità li l-istess WasteServ għandha għad-dispożiżżjoni tagħha, liema riżors huwa fiċ-ċentru tal-ħidma.
Waqt l-inawgurazzjoni l-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca spjega kif permezz ta’ dan l-investiment, fl-uffiċċji tagħha l-professjonisti ser jwettqu l-ħidma tagħhom ġewwa l-impjant.
Qal, “Hawnhekk fil-Magħtab issa kabbarna l-uffiċini tagħna biex numru ta’ professjonisti; periti, inġiniera, nies responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà ħa jkunu qegħdin jaħdmu ġewwa l-impjant t’hawnhekk biex b’hekk ikunu aktar viċin l-operat u jkunu jistgħu jkomplu jsostnu l-attivitajiet kbar illi jsiru f’dan il-kumpless.”
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia innota l-investiment li diġà sar matul l-aħħar snin, b’dan jkompli jikkumplimenta din il-ħidma.
Spjega, “Fl-aħħar żminijiet saru investimenti kbar fl-immaniġġjar tal-iskart ġewwa pajjiżna, bl-EcoHive nofs miljun ewro investiment, imma ukoll il-pjan ta’ Malta fl-immaniġġjar tal-iskart għat-tul, għall-għaxar snin li ġejjin.”