Fil-qalba ta’ Ħal Qormi saru tliet proġetti ta’ tisbiħ u manutezzjoni. Dawn jinkludu manutenzjoni u tisbiħ fiż-żona magħrufa bħala Tal-Blat, fanali ornamentali fi Triq il-Kbira u rinnovar tal-bandli fi Ġnien Tumas Fenech.
Żaru dawn ix-xogħlijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u s-Sindku ta’ Ħal Qormi, Josef Masini Vento.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi biddel fanali bi ħsarat estensivi għal fanali ornamentali li jikkumplimentaw il-karatteristiċi tipiċi ta’ raħal Malti tul Triq il-Kbira u f’Misraħ San Franġisk. Sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ fi pjazzetta fiż-żona T,al-Blat li twettaq mill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali stess.
Fir-rigward ta’ Ġnien Tumas Fenech, sar tibdil fl-infrastruttura tal-bandli b’investiment ta’ madwar €100,000. Dan il-proġett kien jikkonsisti f’tibdil tar-rubber flooring u ġie installat tagħmir tal-bandli ġdid.
Is-Sindku Masini Vento sostna l-importanza li l-kunsilli lokali jibqa’ jkollhom il-fondi meħtieġa biex ikomplu jitwettqu proġetti fil-qalba tal-lokalitajiet favur ir-residenti.
Mhux biss li nagħmlu proġetti ġodda hu importanti, iżda hu importanti aktar li tibqa’ l-manutenzjoni kontinwa ta’ dawk il-proġetti u dan biex tfal tagħna u l-familji tagħna jibqgħu jgawdu dawn il-proġetti f’ambjent aktar sigur u nadif ukoll.
Josef Masini Vento, Sindku Ħal Qormi
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli wkoll saħqet dwar l-importanza li l-kunsilli jkomplu jwettqu proġetti għal ġid tal-komunità.
Hu importanti li nimplimentaw proġetti biex ikunu l-familji fil-lokalitajiet li jgawdu, imma daqstant ieħor hu importanti għall-kunsilli lokali li jżommu f’qagħda tajba, manutenzjoni li jkun hemm bżonn u sostenn lil dawn il-proġetti biex il-lokalitajiet tagħna jibqgħu jidhru sbieħ u jkunu l-ġenerazzjonijiet li jgawdu minn dawn il-proġetti.
Alison Zerafa Civelli, Segretarju Parlamentari