Inawgurati tlett ċentri fil-Kwartieri Ġenerali tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta immirati biex itejbu l-kwalità fl-operat.
Permezz ta’ dan it-tibdil, l-Air Malta ser ikollha ċentru ewlieni fejn taħt saqaf wieħed jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-operat fit-titjiriet u fl-istess waqt ikomplu jsaħħu l-kampanja ON THE DOT immirata biex kemm jista jkun it-titjiriet joperaw fil-ħinijiet skedati.
It-Taqsima tal-Informatika li għadha kemm ġiet atrezzata bl-aħħar teknoloġija mhux biss ser tkun qed tgħin is-sistema teknoloġika tal-Air Malta imma l-mod kif inhi attrezzata tista tattira aktar xogħol u trendi f’aktar profitt għall-istess linja nazzjonali tal-ajru. Infatti l-Air Malta diġa qegħda f’taħdidiet ma’ numru ta’ partijiet mis-settur tal-avjazzjoni bil-possibilita’ li l-istess kumpanija tagħti servizz lil terzi.
Is-sigurta’ tal-passiġġiera u l-ħaddiema tal-Air Malta hija ta’ priorità kbira għall-istess kumpanija. Infatti ċ-Ċentru ta’ Rispons f’każ ta’ Emerġenza li huwa dipartiment kruċjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurta’ ġie aġġornat b’tali mod li l-ogħla uffiċjali tal-linja nazzjonali tal-ajru ser ikollhom aktar aċċess u wieħed ferm aktar aħjar għall-informazzjoni fl-eventwalita’ ta’ xi emerġenza. Minbarra l-investiment fis-sistema u fl-apparat, il-ħaddiema ingħataw it-taħriġ neċessarju.