Proġett ta’ żewġ miljuni Fondi Ewropej issarraf f’restawr u riġenerazzjoni fuq 6 knejjes f’Għawdex.
Fost l-oħrajn, ix-xogħlijiet saru fuq il-faċċata u l-kampnari tal-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Salvatur fl-Għasri, u fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Santa Luċija f’Santa Luċija.
Sar ukoll xogħol fuq il-kampnar tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat, u fuq wieħed miż-żewġ kampnari tas-Santwarju Arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u ta’ San Ġużepp fil-Qala.
Sar restawr fuq il-faċċata u fuq ġewwa tal-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn, u xogħol ieħor fuq il-Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Marija fix-Xagħra.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li permezz ta’ dawn il-proġett qed ikun assigurat li l-wirt kulturali Għawdxi jiġi preservat u mgħoddi lil ġenerazzjonijiet futuri. Hija spjegat li “Proġett biex ikun hemm proġetti ta’ restawr fil-knejjes tagħna biex inkunu nistgħu nippreservaw il-wirt kulturali tagħna, il-ġojjelli li għandna fl-irħula tagħna u allura llum inawgurajna sitt proġetti importanti biex inkomplu għaddejjin f’din id-direzzjoni.”
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal dan il-proġett kien iffinanzjat minn fondi Ewropej fi proġett ferm usa li minnu qed jibbenefikaw knejjes f’Malta ukoll.
“Dan il-proġett huwa parti minn sitt knejjes illi bbenefikaw minn fondi Ewropej fi proġett ferm usa illi għalihom ħadet fondi Ewropej il-Kurja kemm f’Malta, knejjes f’Malta kif ukoll f’Għawdex b’ammont ta’ żewġ miljun ewro”, sostna s-Segretarju Parlamentari Farrugia.
L-Isqof t’Għawdex Monsinjur Mario Grech innota li b’dan l-investiment ibbenifikat mhux biss il-Knisja iżda l-komunità Għawdxija kollha. Hu qal:“Għalkemm huma proġetti tal-knisja imma jien inqishom proġetti tal-komunitá kollha kemm hi u allura dan huwa servizz ukoll lill-komunità Għawdxija.”