L-Aġenzija Residenza Malta, li tul il-ħames snin li ilha topera kisbet dħul ta’ aktar minn sittin miljun ewro, bdiet topera minn uffiċini ġodda f’Ħal Qormi, li jirriflettu l-ħidma li twettaq li kull ma jmur qed tiżdied.
Din l-aġenzija tal-Gvern hija responsabbli mill-amministrazzjoni tal-programm ta’ residenza b’investiment u l-fondi ġġenerati minn dan il-programm imorru fil-Fond għall-Iżvilupp Soċjali, li minnu jitwettqu miżuri u proġetti ta’ fedja għall-poplu Malti u Għawdxi.
Residenza Malta tħaddem erbgħa u tletin persuna f’dipartimenti differenti li jikkontribwixxu lejn operat effiċjenti u ta’ suċċess.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Charles Mizzi qal li dan il-pass se jfisser aktar servizzi ta’ kwalità: “Illum, l-Aġenzija r-remit tagħha twessa’ ħafna għaliex ma bqajniex biss nattiraw applikazzjonijiet ta’ residenza b’investiment imma ftaħna wkoll għal programm ġdid li huwa dak tan-Nomad’s Permit.”
Il-Ministru Byron Camilleri tenna li l-istrateġija tal-Gvern tibqa’ li tattira investiment u talent barrani b’mod sostenibbli. Huwa stqarr: “Illum l-Aġenzija Residenza Malta għandha uffiċini ġodda ġewwa Ħal Qormi sabiex tkun tista’ toffri l-aqwa servizzi lill-klijenti tagħha, tkompli tirreklama lil pajjiżna b’mod tajjeb ħafna u anki toffri l-aħjar ambjent għall-ħaddiema tagħha.”
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li fi żmien ta’ pandemija, din l-aġenzija qed tgħin lill-Gvern jikseb il-ġid u jikkontribwixxi lejn aktar tkabbir ekonomiku għall-benefiċċju komuni.
Huwa sostna: “Huwa tajjeb li qed ninawguraw dawn l-uffiċini, ambjent ferm iktar sabiħ minn fejn kienet l-aġenzija qabel sabiex il-ħaddiema tagħna jkunu f’post ferm aħjar u allura nkunu nistgħu nkomplu bil-ħidma tagħna sabiex nibqgħu nattiraw iktar investiment lejn pajjiżna.”