Ġew inawgurati l-uffiċini l-ġodda tal-aġenzija Tech.mt fiż-Żejtun. Tech.mt twaqqfet sentejn ilu wara li l-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ qablu li tinfetaħ din l-aġenzija sabiex tippromwovi l-innovazzjoni fit-teknoloġija, lill-kumpaniji u l-konsumaturi lokali.
Dawn l-uffiċini ġew inawgurati mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri li saħaq kif l-irwol ta’ din l-aġenzija huwa wieħed ċentrali sabiex l-ekonomija f’pajjiżna tkompli tiżviluppa. Qal kif aġenzija bħal Tech.mt tgħin sabiex pajjiżna jkun destinazzjoni għal setturi bħall-Intelliġenza Artifiċjali, Internet of Things u Cloud computing. Il-Ministru Schembri qal li bil-pandemija globali, il-kompetizzjoni se tiħrax sabiex il-pajjiżi jkollhom iżjed investiment dirett barrani u qal kif pajjiżna huwa mħejji għal dan.
Qal kif, “Importanti li aġenzija bħal Tech.mt, tkompli bil-ħidma tagħha fuq żewġ binarji. L-ewwelnett bi promozzjoni ta’ pajjiżna biex inkomplu nattiraw investiment dirett barrani lejn pajjiżna fl-industrija tat-teknoloġija, kif ukoll bit-taħriġ ukoll sabiex kemm jista’ jkun innaqsu d-digital gap li għandna, id-digital divide li għandna f’pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Tech.mt Mark Bugeja qal kif bil-ħolqien ta’ din l-aġenzija, pajjiżna kien minn ta’ quddiem f’dan is-settur tat-teknoloġija. Bugeja semma kif il-pandemija sarrfet f’opportunità għal din l-aġenzija, hekk kif aktar nies kull ma jmur qed iżidu l-użu tat-teknoloġija. Fost il-proġetti li qed taħdem għal quddiem, din l-aġenzija qed tara li torganizza fiera virtwali, fejn il-Maltin ikunu jistgħu jaqsmu x-xogħol tagħhom b’mod internazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tat-Tech.mt, Dana Farrugia, saħqet fuq il-bżonn li n-negozji jkunu fuq il-pjattaformi diġitali.
Spjegat, “Din is-sena ħa nkunu qed nagħmlu dak kollu li nistgħu l-industriji tagħna lokali nassistuhom, kemm jista’ jkun b’inċentivi u benefiċċji ħalli jiddiġitalizaw, ħalli jkollhom preżenza diġitali u jkunu jistgħu jikkompetu b’mod globali.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb qal kif il-viżjoni mħabbra mill-Gvern fl-innovazzjoni u t-teknoloġija emerġenti turi serjetà f’dan is-settur.
Qal kif, “It-teknoloġija u l-innovazzjoni hija fundamentali li qegħdin hawnhekk illum qegħdin ninawguraw uffiċini ġodda huma simbolu ċar, realtà tanġibbli, ċara illi we mean business. Jiġifieri t-teknoloġija u l-avvanzi tagħha u l-innovazzjoni permezz tan-nies li jaħdmu hawnhekk u permezz tat-tmexxija li hawn hawnhekk huwa sinjal ċar li dan il-pajjiż beħsiebu jieħu t-teknoloġija u d-diġitalizazzjoni bis-serjetà.”