Fil-Palazz ta’ Sant’Anton ġiet inawguarata figura tal-bronż tal-Gran Mastru Antoine De Paule, mill-President ta’ Malta George Vella, li tiċċelebra l-oriġini ta’ dan il-Palazz u l-ħidma ta’ dan il-Gran Mastru.
Ġiet inawgurata wkoll daħla ġdida f’dan il-Palazz fi proġett li tmexxa minn kumitat konsultattiv, li rrakkomanda lill-artist Austin Camilleri biex jaħdem fuq kunċett, li b’attenzjoni u sensittività kbira għas-sit u l-kuntest li għalih ġie maħluq, jgħaqqad il-memorja storika tal-Gran Mastru Antoine De Paule ma’ żminijietna.
Fil-fatt, eżatt quddiem il-Gran Mastru De Paule, inbena ħawt tal-ilma, u minquxa fil-ġenb hemm versi mill-pinna tal-Poeta Lawreat Maria Grech Ganado, imnebbħa mid-dokumenti storiċi marbuta mal-oriġini tal-Palazz. Il-proġett iwassal messaġġ ċar b’mod li jinftiehem ukoll fis-sempliċità tal-preżenza li fih hu msawwar.
Waqt l-inawgurazzjoni, l-President Vella irrimarka kif minn meta daħal fil-kariga ħass il-ħtieġa li l-Palazz ikollu l-istorja tiegħu aktar magħrufa.
“Mil-lum il-Palazz ta’ Sant’Anton u l-identità tiegħu hekk kif imsawra mill-Gran Mastru Antoine De Paule se tibda tilqa’ lil dawk kollha li jgħaddu minn din id-daħla b’mod differenti. Se tibda tilqa’ lill-mistednin u d-dinjitarji, il-Maltin u l-barranin kollha li se jkun qed jeħtiġielhom iżuru lil dan il-Palazz.”
Il-President irringrazzja lill-kontributuri kollha fosthom l-artist, il-ħaddiema tal-Palazz tal-President, Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-kumitat konsultattiv.