Ftit tal-ġimgħat ilu, ġiet inawgurata faċilità sportiva ġdida f’Pembroke għall-isport ġdid tal-padel.
Il-Padel huwa wieħed mit-tipi ta’ sport li l-aktar qed jikber fid-dinja u jikkonsisiti minn taħlita bejn tennis u squash. Differenza ewlenija meta mqabbla mat-tennis hi li l-ħitan li jdawru l-court jistgħu jintużaw fil-logħba, bħal-logħba tal-isquash.
Waqt l-inawgurazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li b’dan l-investiment bosta familji se jgawdu minn dawn il-faċilitajiet sportivi ġodda. Clifton Grima qal li parti mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport hija mmirata li żżid il-parteċipazzjoni fl-attività fiżika u fl-isport. Il-gvern qed kontinwament biex l-isport isir parti integrali mill-ħajja tal-pubbliku ġenerali.
Padel Malta topera żewġ grawnds ta’ kwalità għolja fil-qalba ta’ Pembroke. Dan huwa sport li jattira kemm tfal ta’ tliet snin kif ukoll anzjani ta’ ħamsa u sebgħa sena.
L-għan ewlieni ta’ l-għaqda Padel Malta hu mhux biss li joħolqu l-aqwa esperjenza ta’ padel f’Malta, imma li jaħdmu wkoll biex isibu u jedukaw l-aqwa talenti sabiex jirrapreżentaw lil Malta kemm f’kompetizzjonijiet lokali kif ukoll internazzjonali.
Fl-aħħar ftit snin, l-isport tal-padel żied b’mod konsiderevoli fil-popolarità b’aktar minn 13,000 pitch madwar l-Ewropa.
Fi Spanja huwa stmat li hemm 2 miljun plejer attiv u l-futbol biss huwa akbar minn padel. Fl-Iżvezja biss, iktar minn 100 pitch inbnew is-sena l-oħra u plejers famużi bħal Zlatan Ibrhimovic u Rafael Nadal għandhom il-klabbs tal-padel tagħhom stess.


