Erba’ proġetti li jinkludu miżuri ta’ inklussività u effiċjenza ġew inawgurati fil-Każin tas-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar.
Dan sar b’investiment ta’ għoxrin elf ewro mill-iskema tal-proġetti għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, fejn fost oħrajn ġie installat lift li se joffri aċċessibilità għal kull sular tal-każin.
Proġett ieħor li kien ko-finanzjat mill-Aġenzija Żgħażagħ jikkonsisti f’apparat u tabelli flimkien ma’ korsijiet tal-ewwel għajnuna u taħriġ ta’ teorija u prattika.
Iż-żewġ proġetti l-oħra jinkludu l-installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi ko-finanzjati mill-Ministeru għall-Enerġija u rinovazzjoni tas-sala banda.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dawn il-proġetti li ser itejbu l-kwalità tal-ħajja għal bosta.
Stqarret li dawn il-proġetti se jagħmluha possibbli biex persuni b’diżabilità u anzjani, ikunu jistgħu jibqgħu jattendu attivitajiet ta’ arti u kultura.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Volontarjat Clifton Grima tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsostni lis-settur tal-volontarjat u jippromwovi proġetti ġodda għall-komunità.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Arti José Herrera li faħħar l-inizzjattiva ta’ dan il-każin li applika u għamel użu mill-fondi biex tiġi rrestawrata s-sala tal-każin.