Ir-residenti Għawdxin jistgħu jibdew jagħmlu użu minn 56 e-bike li nxtraw mill-Aġenzija LESA u mill-Kunsill Reġjonali għal Għawdex. Dawn l-e-bikes inkisbu b’investiment ta’ €82,000, li €65,000 minnhom tħallsu mill-Aġenzija LESA.
L-inawgurazzjoni ta’ dawn l-e-bikes saret f’Marsalforn u għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, il-President tar-Reġjun ta’ Għawdex, Samuel Azzopardi, u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li, permezz ta’ dawn il-proġetti, qed naraw aktar ħidma tanġibbli mill-aġenzija LESA fil-lokalitajiet ta’ Għawdex. Spjega li dan imur id f’id mal-istrateġija tal-istess aġenzija, li tinvesti l-flus miġbura miċ-ċitazzjonijiet fi proġetti li jaqdu lir-residenti. Huwa rrimarka li r-reġjun ta’ Għawdex huwa eżempju ċar tal-ħidma kordinata li qed issir bejn ir-reġjuni, il-kunsilli, u l-aġenzija LESA.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-Gvern għandu viżjoni għal pajjiż b’arja aktar nadifa u għalhekk, permezz ta’ dawn l-e-bikes, qiegħed joffri trasport alternattiv lir-residenti Għawdxin mingħajr emissjonijiet; trasport li jkun ideali għal vjaġġi ta’ distanza qasira.
Iż-żewġ ministri għamlu referenza għall-kameras tas-sigurtà li ġew installati tul ix-xatt ta’ Marsalforn, u spjegaw li dawn il-kameras se jkunu qed jgħinu lill-Pulizija sabiex tissaħħaħ is-sigurtà f’din il-lokalità.