Ġewwa l-bini tal-Parlament, l-Ispeaker Anġlu Farrugia inawgura esebizzjoni b’rabta mal-Malta Architect Awards għas-sena 2017.
F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Ispeaker tenna illi permezz tal-Malta Architect Awards ikun qed jiġi onorat is-sehem ta’ dawk l-individwi li jsawwru bini u xogħol arkitettoniku avvanzat, li flimkien mas-sbuħija estetika tal-bini, l-użu ta’ teknoloġija avvanzata, u r-rispett lejn l-ambjent naturali u storiku tal-lok u l-post tal-proġett, jagħmlu x-xogħol arkitettoniku sħiħ u komplut. L-Ispeaker kompla billi qal li dawn il-konsiderazzjonijiet u oħrajn għandhom jgħollu l-valur arkitettoniku tal-proġett li jwassal dak il-bini sabiex jibda jitqies bħala parti mill-wirt ta’ pajjiżna.
F’għeluq id-diskors tiegħu l-Ispeaker tenna li l-entitajiet regolatorji għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li jinżammu l-ogħla standardstal-aspetti kollha dwar is-saħħa pubblika u s-sigurtà tal-bini u strutturi oħra ta’ żvilupp, filwaqt li għandhom id-dover li l-liġi u r-regoli tal-bini, u strutturi ta’ żvilupp, ikunu applikati fl-interess tal-ġid komuni tas-soċjetà.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg indirizza wkoll lil dawk preżenti
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius.