Id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg inawgurat wirja ta’ presepju artistiku tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa, fil-Parlament ta’ Malta.
Id-Deputat Speaker saħqet dwar il-messaġġ awtentiku tat-tifkira tat-twelid ta’ Ġesù f’Betleħem, “Sliem lin-nies tar-rieda tajba”. Qieset dan il-messaġġ bħala awgurju sabiħ lill-bnedmin kollha biex jgħixu fis-sliem u fl-armonija u jaħdmu flimkien biex jagħmlu affarijiet sbieħ, tajba u bżonnjużi. Qalet li quddiem it-tarbija ta’ Betleħem, għandna nitolbu lil Ġesù biex jurina s-sbuħija tal-umiltà u fl-għemejjel tagħna naħsbu aktar f’ħaddieħor. Jeħtieġ li minn ħajjitna nwarrbu l-egoiżmu u nsiru altruwisti: b’hekk biss nistgħu nagħrfu t-tjubija tal-messaġġ tal-Milied.
Appellat lill-pubbliku biex iżur il-presepju artistiku fil-Parlament u japprezza s-snajja’ tal-artiġjanat u tal-artisti li jaħdmu biex jibnu xogħol sabiħ u opra artistika mill-ifjen. Ferħet lill-Għaqda Mużikali Sant’Andrija u rrikonoxxiet il-ħidma tal-każini tal-banda bħala parti integrali mill-patrimonju Malti li għandna dejjem naraw li tibqa’ tisseddaq.
Il-pubbliku mistieden iżur il-presepju artistiku fil-Parlament ta’ Malta mill-1 ta’ Diċembru 2018 sas-6 ta’ Jannar 2019 f’dawn il-ħinijiet: mit-Tnejn sal-Ħadd bejn id-9 ta’ filgħodu sat-8 ta’ filgħaxija.
Ritratti (SPK)